Kważi 86,000 jinsabu f'riskju ta' faqar u kważi 80,000 ma jifilħux għal spejjeż mhux mistennija

Ir-rapport EU-SILC juri illi eluf ta' nies qed jgħixu f'riskju ta' faqar, filwaqt li 5.4% huma materjalment deprivati - u allura neqsin minn affarijiet bażiċi

Fl-2021 kien hawn b'kollox kważi 86,000 persuna li qed jgħixu f'riskju ta' faqar, li jirrapreżentaw 16.9% tal-poplu, fl-istess livelli tal-2020. Fl-istess sena 5.4% tal-poplu kien qed jgħix mċaħħad materjalment u allura nieqes minn servizzi u possibilitajiet meqjusin mill-aktar bażiċi.

Miċ-ċifri li kkwota l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) mir-Rapport SILC għall-2021, jirriżulta li kważi 79,530 persuna f'Malta ma jifilħux iħallsu għal spiża li mhux mistennija, filwaqt li 39,831 persuna waqgħu lura fuq ħlas ta' kontijiet, self mal-bank jew inkella self li jkun sar meta jinxtara prodott partikolari u li jitħallas lura b'pagamenti kull xahar. 

Minkejja li l-midja soċjali bħalissa mimlija ritratti ta' nies li qed isiefru, l-istess ċifri juru illi 168,150 persuna ma jifilħux iħallsu għal vaganza ta' ġimgħa darba fis-sena, filwaqt li 31,445 persuna ma jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ jew ħut imqar tliet darbiet fil-ġimgħa. Intant ftit iktar minn 51,000 persuna qalu li ma jaffordjawx li jagħmlu kappriċċi għalihom infushom, filwaqt illi 39,821 qalu illi ma jaffordjawx iżommu d-dar sħuna waqt ix-xhur tax-xitwa. 

Intant ir-rapport EU-SILC juri kif id-dħul gross medju ta' kull dar (jiġifieri meta tgħaqqad id-dħul kollu tal-persuni fl-istess dar) huwa ta' €40,263 filwaqt li l-flus disponibbli għal kull dar huwa medja ta' €32,590. 

 

More in Politika