Tkompli s-saga ta' Pilatus: Repubblika tiftaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Maġistrat Nadine Lia

'Il-Maġistrat Lia, la hi u lanqas tista' tidher li hi imparzjali f'dan il-każ... speċjalment minħabba l-parentela ma' Pawlu Lia' - Robert Aquilina 

Għal darb' oħra, l-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Repubblika marret quddiem il-Qorti ta' Malta u ħabbret li fetħet kawża kostituzzjonali kontra l-Maġistrat Nadine Lia, hekk kif din irrifjutat li tneħħi lilha nnifisha mill-kawża ta' Pilatus Bank. Dan għaliex, skont l-NGO, bl-irwol tal-Maġistrat Lia f'dan il-każ qed iwassal għal ksur ta' drittijiet għal smigħ xieraq, quddiem tribunal imparzjali. 

"Il-Maġistrat Lia, la hi u lanqas tista' tidher, li hi imparzjali f'dan il-każ speċjalment minħabba l-parentela ma' Pawlu Lia," qal il-President ta' Repubblika, Robert Aquilina. 

Aquilina spjega li l-avukat Pawlu Lia, missier ir-raġel tal-Maġistrat, kien rappreżentant tal-eks Ministru Konrad Mizzi. "Apparti minn hekk Mizzi hu assoċjat ma' Chen Cheng, in-negozjatur ewlieni Ċiniż mal-Enemalta. Cheng kellu kont fil-Pilatus u għaldaqstant, dak li hu allegat li kien qed ixaħħam lill-klijenti tal-avukat Lia (Konrad Mizzi), kellu kont fil-bank li hu suġġett tal-kawża tagħha," żied Aquilina. 

Apparti minn hekk Aquilina għamel referenza għal klijenti oħra tal-avukat; Joseph Muscat u Michelle Muscat, "allegati klijenti ta' Pilatus" u Keith Schembri, "klijent konfermat ta' Pilatus."  Fost punti oħrajn li qajjem Aquilina huwa saħaq ukoll li l-Maġistrat Lia, suppost minn jhedda kellha tirrifjuta li tmexxi din il-kawża, minħabba l-kodiċi tal-etika. 

"Dan kollu, għidnih lill-Maġistrat, però ċaħdet tliet darbiet u webbset rasha," qal Aquilina.

Fl-aħħar huwa fakkar li hija kienet parteċipi waqt kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2017 u "ħeġġet lill-votatni bil-qalb." Hawn ikkwota wkoll dak li qalet hi stess, li "żball isir. Imbilli? Mingħajr żball ma tasalx! Min tgħallem isuq mingħajr ma żbalja? L-ebda tfal ma tgħallmu jimxu, jekk ma waqgħux. Il-punt mhuwiex li kien hemm żball, iżda li wasalna. Jekk kienx hemm żball, dak kien parti mill-proċess." 

More in Politika