Il-Gvern għadu bl-intenzjoni li jmexxi 'l quddiem fuq il-Metro... Jiddiskuti l-aħjar mudell ta' ffinanzjar

Minkejja li ftit erġajna smajna minn wara l-fanfarri u t-tħabbir ta' Metro s-sena l-oħra, l-Ministru Aaron Farrugia jgħid illi dan il-proġett għadu fil-pjanijiet tal-Gvern u li bħalissa qed ikun studjat l-aħjar mudell ekonomiku... 

Minkejja li għaddew xhur issa minn meta saret preżentazzjoni mill-kumpanija Arup u proċess ta' konsultazzjoni li kien jinvolvi ħafna fanfarra u ma smajna xejn wisq aktar il-Ministru għalt-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Aaron Farrugia assigura illi l-proġett tal-Metro għadu meqjus bħala wieħed li l-Gvern qed jikkunsidra. Għall-mistoqsijiet tal-ILLUM Farrugia qal illi l-Gvern bħalissa għadu għaddej b'laqgħat, b'oħrajn skedati aktar tard din is-sena biex ikun determinat l-aħjar mudell ekonomiku u ta' ffinanzjar għal pajjiżna.  

"Kemm se jiswa' u li huwa fattibbli nafu, minn dak li kien tħabbar mill-kumpanija Arup. Imma qabel immexxi b'rapporti oħrajn li jitrattaw l-apsetti ġeoloġiċi, per eżempju, u li jiswew il-flus irrid nara liema mudell huwa l-aħjar għal pajjiżna," qal il-Ministru. Huwa fakkar li dan il-proċess huwa importanti sabiex il-Gvern jara minn fejn se jsib il-flus għal proġett ta' dan it-tip li jiswa' madwar €6 biljuni.  

Farrugia qal li bħalissa l-Gvern għaddej b'diversi laqgħat dwar dan, b'laqgħat oħrajn mal-kumanija Arup skedati iktar tard din is-sena. "Imma iva l-proġett għadu fil-pjanijiet tal-Gvern u kif wegħdna fil-manifest elettorali se nkunu qed nkomplu bl-istudji biex nevalwaw il-fattibilità ta' metro fil-pajjiż," temm jgħid il-Ministru Aaron Farrugia.  

X'hemm propost? 

Jekk il-Metro issir kif kienet proposta mill-kumpanija internazzjonali Arup se tkun sistema illi permezz tagħha l-aktar żoni urbani ta' Malta - jiġifieri ż-żoni ta' madwar il-Port il-Kbir u tibqa' sejjer sal-Imrieħel, Fgura, Ħaż-Żabbar u Buġibba - se jingħaqdu permezz ta' tliet linji. Minn Mater Dei u l-Università sal-Belt Valletta ddum sejjer 10 minuti, b'garanzija li ma tinqabadx fit-traffiku, imma jekk tgħix Birżebbuġa tkun tista' taqbad il-Metro minn Raħal Ġdid u jekk tgħix il-Mellieħa jew Għawdex trid taqbadha minn Buġibba. Dan ifisser li - kif mistenni - sistema ta' trasport tal-massa f'Malta, anke jekk ma ssirx kif proposta, tkun trid taħdem ukoll mill-qrib mat-trasport pubbliku preżenti.  

Il-Metro kif preżentata mill-Kumpanija Internazzjonali Arup - li topera f'140 pajjiż u hija responsabbli għal proġetti kbar ta' Metro fi bliet u pajjiżi bħal Londra, Singapore, Macau u anke t-Tajlandja - tinqasam fi tliet linji: Il-Linja l-Ħamra, Ħadra u Blu.  

Il-Linja l-Ħamra - li hija l-itwal u hemm ċans li titlesta f'bejn ħames u tmien snin  - tgħaddi minn : Buġibba, Naxxar, Mosta, Ta' Qali, Ħ'Attard, Ħal Balzan, Birkirkara, Mater Dei, Gżira, Tas-Sliema, Balluta, San Ġiljan u Pembroke.  

Il-Ħadra tgħaddi minn Birkirkara, l-Imrieħel, il-Marsa Park and Ride, L-Imsida, il-Furjana u l-Belt Valletta.  

Il-Blu tgħaddi minn Mater Dei, l-Imsida il-Ħamrun, il-Marsa, Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Bormla u anke l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.  

B'kollox din is-sistema jkun fiha 35 Km b'25 stazzjon. 

L-istazzjonijiet proposti minn Arup huma, fost oħrajn, fil-Ferries f'Tas-Sliema, fejn hemm tal-linja illum fil-Belt Valletta/Furjana, fl-Istazzjon f'Birkirkara u viċin ix-Xgħajra ta' Bormla.  

Din il-proposta - jekk tibqa' kif inhi - iddum bejn 15 u 20 sena biex titlesta (jiġifieri għall-ħabta tal-2040) u tkun tiswa' madwar €5.5 biljun. 

More in Politika