Il-Gvern ifittex finanzjament alternattiv biex iżomm mal-wiegħda ta' €700 miljun fi proġetti ambjentali

Il-Ministru Miriam Dalli tisħaq li l-Gvern għadu kommess li jwettaq il-wiegħda tiegħu li jinvesti €700 miljun fi proġetti ta’ tħaddir urban u spazji pubbliċi

Wieħed mill-proġetti ta' tħaddir urban imwiegħda għal fuq il-mini ta' Santa Venera
Wieħed mill-proġetti ta' tħaddir urban imwiegħda għal fuq il-mini ta' Santa Venera

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li l-Gvern għadu kommess li jwettaq il-wiegħda tiegħu li jinvesti €700 miljun fi proġetti ta’ tħaddir urban u spazji pubbliċi, iżda saħqet li se jkun qiegħed ifittex modi alternattivi kif jiffinanzja l-proġetti mwiegħda.

Dalli ma tatx ħafna dettalji iżda l-wiegħda tagħha għamlitha fid-dawl tal-fatt li l-Gvern qed jaħdem u jesplora modi kif inaqqas in-nefqa tiegħu minħabba s-sussidji li qed ikollu joħroġ biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel stabbli.

Mistoqsija dwar dawn il-proġetti, li kienu wiegħdi ewlenin fl-aħħar kampanja elettorali, Dalli qalet li huwa importanti li l-Gvern jagħmel il-prijoritajiet tiegħu.

Il-wiegħda kienet tara li jsiru xogħlijiet f’diversi toroq importanti, bil-għan li jsiru mini taħt l-art u flok it-toroq eżistenti jkunu jistgħu jsiru proġetti ta’ tħaddir u spazji miftuħa.

Il-Ministru Dalli qalet li l-proġetti li għaddejin bħalissa se jkunu qed isiru filwaqt li l-proġetti l-oħra li huma ppjanati li jsiru se jkunu ffinanzjati b’modi differenti.

“Irridu li l-kwalità tal-ħajja tan-nies tmur ‘il quddiem,” qalet il-Ministru.

Kienet il-gazzetta MaltaToday li żvelat kif il-ministeri kienu mitluba jidentifikaw kif l-ispiża tal-Gvern tista’ tonqos b’€200 miljun, bil-għan li għas-sena li ġejja, in-nefqa tal-Gvern tinżamm taħt kontroll.

The Sunday Times of Malta rrapportat ukoll kif diversi proġetti infrastrutturali, li kellhom isiru kollha minn fondi nazzjonali, għalissa ġew sospiżi. Dawn jinkludu xogħlijiet infrastrutturali u anke xogħlijiet fuq skejjel.

Meta mistoqsija jekk dawn il-proġetti hux se jkunu jinkludi proġetti ambjentali, il-Ministru Dalli qalet biss li l-proġetti li huma importanti għall-pajjiż se jkunu qed isiru kif ippjanat.

More in Politika