Raġel li ħeba d-droga fil-qalziet ta' taħt arrestat fl-Ajruport ftit wara li wasal Malta

Fuq ir-raġel instabu madwar 200 gramma kokaina

Olandiż li ħeba d-droga fil-qalziet ta’ taħt biex jipprova jdaħħal id-droga f’Malta, ġie arrestat fl-Ajruport u tressaq il-Qorti dalgħodu.

L-Ispettur Marshall Mallia ressaq lir-raġel quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca.

L-akkużat qal lill-Pulizija li bħalissa jinsab fil-proċess biex jiġi jgħix Malta u kien qed jipprova jsib xogħol. Ikkonferma li għalissa ma għandux indirizz fiss f’Malta.

L-Ispettur Mallia qal lill-Qorti wkoll li r-raġel kien arrestat ftit wara nofsilejl fis-6 ta’ Settembru hekk kif wasal Malta minn Brussell. Fuqu nstab pakkett żgħir bid-droga u hu qal li kienet għall-użu personali tiegħu. 

Madanakollu, meta saret tfittxija aktar intensiva, il-Pulizija sabu fuq ir-raġel madwar 200 gramma kokaine, marbuta bit-tape madwar il-parti tiegħu.

Waqt l-interrogazzjoni, ir-raġel ammetta li mhux l-ewwel darba li għamel xi ħaġa simili anke jekk fil-Qorti wieġeb mhux ħati.

Ir-raġel inżamm arrestat.

More in Politika