Tmien miri ambjentali sal-2050; Imnedija konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent

Il-Ministru Miriam Dalli qed tħeġġeġ parteċipazzjoni pubblika 

Mil-lum bdiet il-konsultazzjoni pubblika fuq l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent li hi mibnija fuq tmien miri li għandhom jintlaħqu sas-sena 2050. 

Dawn huma; li jinġema' inqas skart, li jkollna biodiversità b'saħħitha, aktar arja nadifa, li l-ilma jkun riżors aktar sostenibbli, l-artijiet ikunu riżorsi reżiljenti, li jkollna kommunitajiet madwar Malta ta' kwalità, li jiġi mħares aħjar il-baħar u li jsiru tibdiliet leġislattivi. L-għan tagħhom huwa li s-soċjetà Maltija tara titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħha. 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħeġġet biex il-pubbliku jara dawn il-miri u jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika biex b'hekk din l-istrateġija tkun aktar effettiva u adegwata għas-soċjetà Maltija. Temmen li din l-istrateġija hija waħda li se tolqot lil poplu kollu u hu propju għalhekk l-importanza tal-parteċipazzjoni pubblika. 

Din l-istrateġija ġiet magħmula u mnedija permezz ta' konsultazzjoni u kollaborazzjoni ma' diversi stakeholders. Fil-fatt dan sar ukoll b'panel magħmul minn diversi persuni li jirrappreżenta setturi varji inkluż dawk li ġejjin minn setturi leġiżlattivi, akkademiċi, ta' negozju u dawk mis-settur volontarju.  

Fost it-tmien miri l-istrateġija "kommunitajiet ta' kwalità", timmira li jkun hemm tibdiliet fil-kommunitajiet Maltin. Dan proprju biex tiġi ndirizzata ż-żieda fil-popolazzjoni u l-impatti negattivi tagħha fosthom konġestjoni tat-traffiku u n-nuqqas ta' spazji miftuħa u ħodor. L-għan ta' din il-mira speċifika hija li jiġi indirizzat - u effettivament imnaqqas - it-tniġġiż tal-arja, tad-dawl u l-istorbju (air, noise and light pollution) fl-irħula u l-villaġġ Maltin. 

Apparti minn hekk it-tmien strateġija li jsiru tibdiliet leġislattivi timmira li jkun hemm tibdiliet kulturali u fil-mentalità Maltija. Dan se jsir permezz ta' kommunikazzjoni effettiva u li tinħoloq kuxjenza fuq livell edukattiv u pubbliku.

Min għandu l-ħsieb li jipparteċipa fil-konsultazzjoni għandu ċ-ċans li jagħmel dan sal-21 ta' Ottubru, 2022. 

More in Politika