L-MEA trid li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkunx aktar minn €6 għall-ħames snin li ġejjin

Kif irrapportat il-gazzetta ILLUM, l-impjegaturi qed ibassru li COLA ta' €10 fil-ġimgħa se jkollha impatt negattiv fuq il-kumpaniji tagħhom

Joseph Farrugia
Joseph Farrugia

L-impjegaturi jridu li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkunx aktar minn €6 għall-ħames snin li ġejjin waqt li wissew, kif diġà għamlu mal-gazzetta ILLUM, li żieda ta’ €10 fil-ġimgħa se jkollha impatt negattiv fuq il-kumpaniji.

L-inflazzjoni, jiġifieri ż-żieda fil-prezzijiet, wasslet biex iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla, mistennija tkun viċin l-€10 fil-ġimgħa.

Madanakollu, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joseph Farrugia, qal li l-Assoċjazzjoni trid li jintlaħaq qbil biex għall-ħames snin li ġejjin, il-COLA ma tkunx inqas minn €2.50 imma mhux aktar minn €6.

55% tal-kumpaniji qed jistennew impatt negattiv

Sondaġġ li wettqet l-Assoċjazzjoni juri li 55% tal-kumpaniji qalu li jistennew impatt negattiv jekk iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla tlaħħaq l-€10 fil-ġimgħa

L-istess sondaġġ sab ukoll li 50% tan-negozji qalu li se jkunu qed jitfgħu parti mill-piż taż-żieda fil-prezz tal-operat tagħhom fuq il-klijenti, filwaqt li 22% qalu li din iż-żieda se tintefa’ kollha kemm hi fuq il-klijent.

45% tal-parteċipanti fl-istess sondaġġ qalu li żiedu l-prezzijiet biex jagħmlu tajjeb għall-piż tal-inflazzjoni. 55% qalu li assorbew huma dan il-piż u żammew il-prezzijiet stabbli.

Il-maġġoranza tal-kumpaniji, jew aħjar 72%, qalu li qed jistennew inqas profitt matul is-sena li ġejja. 16% saħansitra qalu li x’aktarx imorru minn taħt.

Aqra wkoll: Min iħaddem iwissi: L-għoli tal-ħajja se tkompli tisplodi b'COLA kbira

More in Politika