'Mhux se naqbdu t-triq tal-awsterità;' Il-Ministru Caruana jwiegħed Baġit bla taxxi ġodda

Clyde Caruana qal illi li kieku l-Gvern ma għamilx sussidju fuq il-prezz tal-enerġija, l-aġġustament għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja kien ilaħħaq il-€25 fil-ġimgħa

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana wiegħed li fil-Baġit li jmiss, il-Gvern mhux se jkun qiegħed jintroduċi taxxi ġodda.

Caruana qal dan fil-bidu ta’ laqgħa li kellu mal-imsieħba soċjali dwar il-proposti tal-Baġit. Huwa wiegħed li l-Gvern mhux se jieħu t-triq tal-awsterità.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru insista li l-pajjiż jiflaħ jiġġieled kontra l-isfidi li qed jiffaċċja u għalhekk mhux se jagħżel ir-rotta tal-awsterità u jintroduċi taxxi ġodda.

“Mhux se nżidu piżijiet ġodda fuq min iħallas it-taxxa u n-negozji,” insista l-Ministru.

Insista li l-isfidi li qed iġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna huma akbar minn dawk li l-pajjiż kellu jiffaċċja fi żmien il-pandemija.

Dwar il-prezzijiet tal-enerġija, Caruana qal illi li kieku l-Gvern ma għamilx sussidju fuq il-prezz tal-enerġija, l-aġġustament għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja kien ilaħħaq il-€25 fil-ġimgħa u mhux madwar l-€10 kif mistenni jitħabbar fil-Baġit.

Fi kliemu, l-ebda intrapriża ma kienet tkun lesta għal dan. 

Madanakollu, il-Ministru Caruana enfasizza li anke jekk il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ appoġġ, irid jassigura li d-defiċit tal-pajjiż jinżamm taħt kontroll.

Qal li l-pjan huwa li d-defiċin jinżamm bejn 5.5% u 5.8% tal-GDP.

Wiegħed Baġit soċjali li se jħares l-interessi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

More in Politika