L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova proġett enormi ta' Joseph Portelli fil-qalba ta' Ħal Balzan

Dan il-proġett qala' ħafna kritika. Fost oħrajn minħabba applikazzjoni ta' proġett bieb ma' bieb miegħu, imressqa mill-istess żviluppatur 

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) approvat l-applikazzjoni tal-bini minflok id-Dolphin Centre fi Triq il-Kbira, f'Ħal Balzan. Dan il-proġett, bl-isem ta' Park Lane mressaq minn Clifton Attard, is-sieħeb fin-negozju ta' Joseph Portelli, se jkun kompost minn 88 appartament, gym kif ukoll spazju ta' 2,408 metru kwadru għall-ħwienet.

Fi ftit kliem l-ewwel sular se jkun iddedikat għal disa' ħwienet kummerċjali, erba' sulari għal appartamenti residenzjali u sular addizzjonali fl-ogħla livell, li jidħol 'il ġewwa mill-bqija tal-bini. Tajjeb li nfakkru li bejgħ ta' uħud mill-partijiet ta' Park Lane beda qabel ma ngħatat l-approvazzjoni tal-Awtorità. Sussegwentament ġiet sottomessa applikazzjoni oħra, bieb ma' bieb mal-istess sit, mill-istess żviluppatur għal tliet ħwienet u 11-il appartament.

Fuq hekk l-arkitett u l-eks-Ministru għall-Infrastruttura Jesmond Mugliett ikkritika dawn iż-żewġ applikazzjonijiet għaliex jemmen li t-tieni applikazzjoni ittappan l-approvazzjoni ta' Park Lane. Saħaq li fil-pjanijiet tal-applikazzjoni ta' Park Lane ma kienx indikat il-pjan tat-tieni applikazzjoni u li dawn iż-żewġ proġetti, flimkien, jistgħu joħolqu diversi inkonvenjenti, fosthom dawk relatati ma' traffiku, il-viżwal kif ukoll possibilità ta' għargħar. 

Intant iċ-Chairperson tal-PA Stephania Baldacchino qablet ma' Mugliett u spjegat li applikazzjonijiet għal proġetti m'għandhomx ikunu maqsuma f'applikazzjonijiet differenti u li minkejja li hija ivvutat favurha, saret taf riċentament bil-pjan taż-żewġ siti. Żiedet tgħid li fir-rigward ta' Park Lane, l-iżviluppaturi kienu issodisfaw il-kritejri kollha mfassla mill-bord. 

Min naħa l-oħra l-Arkitett Toni Bezzina u s-Sindku ta' Ħal balzan Angelo Micallef saħqu li ħdejn dan is-sit hemm għadd ta' siġar li minkejja li m'għandhomx jaffettwaw l-iżvilupp tas-sit xorta waħda jistgħu jiġu milquta mill-kostruzzjoni u għaldaqstant għandhom jiġu protetti. Micallef argumenta wkoll li dan il-proġett se jkomli jiggrava d-densità tal-popolazzjoni tal-lokalità. Qajmu wkoll il-kwistjoni tal-parkeġġ li dan il-proġett jirrikjedi 153 spazju ta' parkeġġ, 16 aktar minn dak pjanat. 

Il-Koordinatriċi tal-Għaqda mhux Governattiva Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA) Astrid Vella saħqet li l-applikazzjoni taż-żewġ siti ġew maqsuma fi tnejn biex jiġi evitat li jsir assessjar fuq l-Impatt tal-Ambjent, dan filwaqt li wissiet li FAA qed tikkunsidra li tieħu dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea. 

More in Politika