Raġel imfittex mill-awtoritajiet Griegi minħabba omiċidju doppju qed joġġezzjona l-arrest tiegħu

Ir-raġel li ġie arrestat f'Malta xahar ilu qed jinsisti li s-sistema tal-marki ta' swaba li wasslet għall-arrest tiegħu hija waħda antika mmens u mhijiex kredibbli

Avukati ta’ Albaniż li qed jirreżisti l-estradizzjoni lejn il-Greċja, għax qed ikun infittex fuq omiċidju doppju, qed jisħqu li mill-każ għandu jitneħħa rapport li sar minn espert Grieg tal-marki ta’ swaba’ għax skonthom, intuża metodu antik. 

L-akkużat li għandu 36 sena kien arrestat f’Malta x-xahar li għadda u nżamm arrest. L-awtoritajiet Griegi kienu ħarġu kontrih mandat ta’ arrest ewropew.

Huwa qed ikun imfittex b’rabta ma’ omiċidju doppju. Allegatament huwa qatel sidt ta’ ħanut tas-souvenirs u n-neputi tagħha fl-2015 fuq il-gżira ta’ Aegina.

L-iġsma kienu nsabu ħdejn xulxin fid-dar tas-sid tal-ħanut. Skont rapporti, qabel inqatlu, iż-żewġ persuni kienu ġew ittorturati. L-awtopsja sabet li huma ngħataw in-nar meta kienu għadhom ħajjin.

Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel ġie arrestat wara li l-marki tas-swaba’ tiegħu qabblu mal-marki ta’ swaba li ntbagħtu mill-awtoritajiet Griegi.

Madanakollu, id-Difiża qed toġġezzjona għal dan f’applikazzjoni li ressqet dalgħodu. L-akkużat qed jgħid li ma hemm l-ebda informazzjoni fl-atti tal-każ dwar kif ttieħdu dawn il-marki, minn min u kemm kienu ilhom li ttieħdu.

Qalu wkoll li s-sistema użata biex ittieħdu l-mark ta’ swaba hija waħda li ġiet żviluppata fl-1896. Għalhekk qed jinsisti li s-sistema hija waħda arkajka li mhijiex kredibbli u ma tatix biżżejjed informazzjoni.

More in Politika