‘Il-Gwerra l-Bierda bdiet Yalta u spiċċat f’Malta’... L-ILLUM tfakkar lill-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-kummentatur dwar l-affarijiet barranin Brendan Zerafa dwar is-summit storiku tal-1989 bejn il-President Amerikan George H. W. Bush u s-Segretarju Ġenerali Sovjetiku Mikhail Gorbachev, ftit jiem wara l-mewt ta’ Gorbachev stess 

Ritratt meħud fis-summit li sar bejn, il-President Amerikan George H. W. Bush u s-Segretarju Ġenerali Sovjetiku Mikhail Gorbachev
Ritratt meħud fis-summit li sar bejn, il-President Amerikan George H. W. Bush u s-Segretarju Ġenerali Sovjetiku Mikhail Gorbachev

Il-mewt tal-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev qanqlet fil-Maltin memorji ta’ meta Malta kienet il-protagonista fl-istorja tad-dinja, hekk kif summit storiku wassal għat-tmiem tal-Gwerra Bierda. 

Dwar dan, l-ILLUM tkellmet mal-kummentatur dwar l-affarijiet barranin, Brendan Zerafa li spjega kif il-pożizzjoni geografika ta’ Malta u n-newtralità tagħha għamluha ideali biex tilqa’ dan is-summit li sar bejn, il-President Amerikan George H. W. Bush u s-Segretarju Ġenerali Sovjetiku Mikhail Gorbachev.  

Dan seħħ bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru tal-1989, ftit ġimgħat biss wara twaqqa’ l-Ħajt ta’ Berlin.  

L-aħbarijiet dak iż-żmien irraportaw bi prominenza dan is-summit u ddeskrivewh bħala importanti daqskemm kien importanti s-summit li kien sar f’Yalta bejn il-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill, is-Segretarju Ġenerali Sovjetiku Joseph Stalin u l-President Amerikan Franklin D. Roosevelt, fl-1945. 

Zerafa fakkar kif Churchill u Roosevelt ukoll kienu ltaqgħu Malta qabel marru jiltaqgħu ma’ Stalin biex jiddiskutu l-pożizzjoni tagħhom.  

“Hemm frażi bl-ingliż: “The Cold War lasted from Yalta to Malta,” għax jingħad li l-Gwerra l-Bierda bdiet f’Yalta imma spiċċat f’Malta, fil-bajja ta’ Marsaxlokk.” 

Il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami jiltaqa’ mal-mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev
Il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami jiltaqa’ mal-mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev

Is-Summit kien jinkludi bosta diskussjonijiet imma ż-żewġ mexxejja ma baqgħux biss fuq il-vapur ‘Maxim Gorky’ fil-baħar ta’ Marsaxlokk. Kemm Bush kif ukoll Gorbachev għamlu żjara lill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami f’Kastilja.

Gorbachev fil-fatt semma lil Malta fl-awtobijografija tiegħu. “Meta żort Malta rajt linji twal ta’ ħitan tas-sejjieħ, filwaqt li marti ttieħdet tara t-teżori tal-gżira,” kiteb Gorbachev.  

30 sena wara kien saret attività biex tfakkar dan is-summit.  Gorbachev xtaq jattendi imma saħħtu ma ħallithux u minflok bagħat messaġġ ifaħħar lil Malta għall-irwol li lagħbet biex tintemm il-Gwerra Bierda. 

Mal-ILLUM Brendan Zerafa saħansitra qal “li kieku ma kienx Gorbachev, il-Gwerra Bierda ma spiċċatx.” 

Minn bidwi għall-aħħar Mexxej tal-Unjoni Sovjetika 

Mikhail Gorbachev twieled fl-1931 fi Privolnoye f'familja fqira ta' bdiewa. Huwa kiber fir-Russja Komunista fi żmien Joseph Stalin. Gradwa mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Moska iżda l-ewwel xogħol kien fl-għeliequ. 

Fl-1952 sar parti mill-Partit Komunista tal-Unjoni Sovjetika. F’għaxar snin kiseb pożizzjoni għolja bħala l-persuna responsabbli għall-persunal fl-amministrazzjoni, l-agrikoltura u l-industrija. 

Sintendi l-ħajja politika ta’ Gorbachev hija mimlija wisq biex nduruha ta’ malajr, iżda fl-1980 Mikhail Gorbachev sar l-iżgħar membru fil-Politburo, il-Kumitat prinċipali tat-tfassil tal-politika fl-Unjoni Sovjetika. 

Meta l-mexxej Konstatin Chernonko miet fl-età ta’ 73 sena fl-1985, Gorbachev, ta’ 54 sena, sar il-mexxej il-ġdid u mill-ewwel beda juri sinjali ta’ politika ġdida. Xammar il-kmiem u dlonk beda jkellem saħansitra lin-nies fit-toroq, xi ħaġa li mhux kulħadd ħa pjaċir biha.  

Fil-messaġġ tiegħu għall-poplu fil-Milied tal-1986, Gorbachev talab għal bidla anke fil-politika internazzjonali. “Bħalissa hemm tellieqa bl-armi. Kull pass ‘il quddiem se jżied biss il-periklu u l-isfidi għaż-żewġ naħat tal-kunflit imma ukoll għal umani kollha, ” kien qal. 

Fl-istess żmien l-Unjoni Sovejatika kienet għaddejja bil-gwerra fl-Afganistan, u għalhekk Gorbachev mal-ewwel naqqas it-truppi stazzjonati hemm. Fir-Russja huwa ħabbar il-policies ta’ ‘glasnost’ u ‘perestroika’.  

Glasnost kellha twassal għal aktar trasparenza fl-akbar istituzzjonijiet u awtoritajiet tal-Gvern ta-Unjoni Sovjetika. Din ippermettiet liċ-ċittadini jiddiskutu pubblikament il-problemi tas-sistema tagħhom u s-soluzzjonijiet ukoll. Min-naħa l-oħra, Perestroika kienet tentattiv biex tittejjeb l-ekonomija li dak iż-żmien kienet qed tfalli.  

Sa Ottubru tal-1986, Gorbachev irnexxilu jibda d-djalogu mal-Istati Uniti  sabiex jibdew diżarm ta’ armi nukleari. Dan ħa ż-żewġ mexxejja, il-President tal-Istati Uniti u l-Mexxej tal-USSR Mikhail Gorbachev, f’summit ġewwa Reykjavik fl-Iżlanda. Kienu kważi waslu għal ftehim iżda ma qablux fuq xi punti b’Gorbachev jikkummenta li Ronald Reagan tilef “opportunità storika.” 

Sena wara, l-istorja bdiet tinkiteb, issa fil-White House. Bejn ċajta u oħra u konferenza mimlija kliem pożittiv u tama, hemm beda t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda. Bdiet it-triq biex eventwalment jaqa’ l-Ħajt ta’ Berlin. Ma nistgħux ma nsemmux ir-relazzjoni tajba li kellu mal-Papa Ġwanni Pawlu II, minkejja li hu kien ateu. 

Ftit snin wara żar il-Ġermanja tal-Lvant. Kien milqugħ b’għajjat, ċapċip u ferħ iżda l-mexxej Ġermaniż Erich Honecher kien inqas entużjast biż-żjara tiegħu. Kien ftit wara dik li issa hi magħrufa bħala “il-bewsa tal-mewt” illi Gobarchev appella lil Honecher biex ipoġġi bilqiegħda u jisma’ lil dawk li dak iż-żmien kienu qed jipprotestaw kontrih. 

Jumejn wara, 70,000 persuna ħanqu t-toroq ta’ Leipzig. Fi żmien ġimgħa Honecker irriżenja u f’inqas minn xahar il-ħajt ta’ Berlin niżel. Kien ftit żmien wara li seħħ il-famuż Summit f’Malta. 

Gorbachev kien imfaħħar globalment iżda lura f’pajjiżu kellu pressjoni kbira. Ir-riformi fallew u l-Unjoni Sovjetika sabet ruħha f’riċessjoni enormi. Ħwienet sfaw vojta, in-nies kienu jinġabru f’serbut jistennew biċċa ħobż filwaqt li Moska bdiet tfur bil-protesti. 

Hawn ifeġġ Boris Yeltsin, li bis-saħħa tiegħu pajjiż wara l-ieħor bdew jiddikjaraw l-indipendenza mill-Unjoni Sovjetika fosthom l-Ukrajna li rat l-Indipendenza tagħha f’Diċembru tal-1991. 

Gobarchev faħħar lil Yeltsin u saħaq li mingħajr id-determinazzjoni tiegħu l-Unjoni Sovjetika qatt ma kienet se tara t-tmiem tagħha. Gorbachev kien l-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika. 

Iżda ma waqafx hemm. Huwa waqqaf il-Fondazzjoni Gorbachev li hi attiva fir-riċerka ta’ ġrajjiet kurrenti fil-politika Russa. Fl-1990 huwa ngħata wkoll il-Premju Nobel tal-Paċi għall-ħidma tiegħu biex il-Gwerra Bierda saret biss storja tal-passat. 

Bolla ta’ Malta li tfakkar is-Summit ta’ Malta bejn Bush u Gorbachev
Bolla ta’ Malta li tfakkar is-Summit ta’ Malta bejn Bush u Gorbachev

More in Politika