‘Għandna problema u jeħtieġ nindirizzawha;’ Madwar 200,000 persuna f’Malta jħossu sens ta’ solitudni

L-aħħar studju tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà juri li s-sens ta’ solitudni fost il-Maltin qed jiżdied, bil-Fakultà tinsisti li huwa ċar li l-pajjiż għandu ‘problema serja’ u hemm bżonn soluzzjonijiet urġenti u tanġibbli

Huwa naturali li fi żmien meta kulħadd kien imsakkar id-dar minħabba l-pandemija, kien hawn persuni li ħassewhom waħedhom forsi aktar minn oħrajn. Iżda s-solitudni mhijiex xi ħaġa ta’ żmien il-pandemija biss. Studju fl-2019 kien diġà wera li s-solitudni hija realtà f’Malta u r-riżultati preliminari ta’ studju li sar riċenti jikkonferma li kulma jmur, din qed issir dejjem iżjed pjaga li jeħtieġ tkun indirizzata.

Fil-fatt, studju li l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà wettqet din is-sena wera kif 54.6% tal-Maltin iħossu sens ta’ solitudni f’ħajjithom. Mhuwiex numru żgħir meta tqis li dan il-persentaġġ jissarraf f’198,198 Malti u Maltija.

Apparti minn hekk, l-aħħar studju li sar fl-2019 dwar l-istess suġġett, il-persentaġġ ta’ dawk li jħossu sens ta’ solitudni f’ħajjithom kien ta’ 43.5%. Dan ifisser li fi tliet snin, kien hemm żieda ta’ madwar 11% ta’ persuni li jħossuhom waħedhom.

F’dan l-istudju ħadu sehem ftit inqas minn 600 persuna li għandhom ‘il fuq minn 11-il sena. Il-mod kif kienu mifruxa dawk li ħadu sehem fih, jagħmel dan kampjun rappreżentattiv ta’ 363,000 persuna li jgħixu f’Malta, b’kunfidenza ta’ 95%. Ta’ min isemmi, li l-istudju ma jinkludix il-barranin li jgħixu f’Malta jew inkejja dawk li jgħixu f’istituzzjonijiet.

Fost oħrajn, l-istudju staqsa lill-parteċipanti dwar l-abbilità tagħhom li jkampaw meta jiġu fuqhom sitwazzjonijiet stressanti li ftit li xejn ikollhom kontrol fuqhom. Filwaqt li l-maġġoranza 90.7% qalu li kapaċi jkampaw tajjeb, 7.4% (26,862 persuna) qalu li ma tantx ikampaw tajjeb, filwaqt li 1.8% (6,534 persuna) qalu li ma jkampaw tajjeb xejn.

Interessanti kif tnejn minn kull għaxar persuni li ħadu sehem f’dan l-istudju qalu li jesperjenzaw sens ta’ vojt f’ħajjithom. Il-persentaġġ ta’ dawk li wieġbu hekk kien 20.8% li jissarraf f’75,504 persuna. Kienu 57.6% li wieġbu li ma jħossux dan is-sentiment, filwaqt li 21.7% oħra qalu li ġieli jħossuhom hekk u drabi oħra le. 

Apparti minn hekk, kważi persuna minn kull għaxra li ħadu sehem fl-istudju (9.6% - 34,848 persuna) ma jħossux li hemm biżżejjed nies li fuqhom jistgħu jduru meta jkollhom problema.

Aktar minn hekk, 13.8% (50,094 persuna) qalu li ma għandhomx persuna li jistgħu jiddeskrivuha bħala ħabib jew ħabiba tal-qalb. Dan is-sentiment, fil-fatt, kien aktar komuni fost dawk li għandhom aktar minn 51 sena. 

Għall-Maltin, il-kumpanija hija importanti u fil-fatt dan ħareġ ukoll f’dan l-istudju. Meta mistoqsija jekk jiddejqux meta ma jkollhomx nies madwarhom, aktar minn tliet kwarti ta’ dawk li ħadu sehem fis-sondaġġ (97,647), wieġbu fil-pożittiv. 

Dan is-sentiment kien l-aktar komuni fost iż-żgħażagħ li għandhom bejn l-20 u l-34 sena u dawk li għandhom bejn 11 u 20 sena. 

Fuq nota aktar pożittiva, kważi tliet kwarti ta’ dawk li ħadu sehem fl-istudju wieġbu li meta jkollhom bżonn, iħossu li jistgħu jiftħu qalbhom mal-ħbieb. Kienu 13.7% (49,731 persuna) li qalu li mhux dejjem iħossuhom komdi jċemplu lil sħabhom għall-għajnuna. 

Il-maġġoranza tal-parteċipanti (63.3%) qalu wkoll li għandhom biżżejjed nies li jistgħu jafdaw, iżda numru mdaqqas ukoll (16.6% jew 60,258 persuna) qalu li ma jaħsbux li hemm biżżejjed nies li jistgħu jafdawhom.

L-istudju staqsa wkoll lill-parteċipanti jekk qattx iħossuhom mwarrba. Il-maġġoranza, 85.7% wieġbu fin-negattiv imma kien hemm persentaġġ pjuttost qawwi (16.7%) ta’ persuni li ma għandhomx impjieg li jħossuhom imwarrba mill-bqija tas-soċjetà.

Inqas ħinijiet tax-xogħol u Strateġija Nazzjonali għas-Solitudni; X’qed tipproponi l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà

Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ma waqfitx biss mal-istudju. Insistiet li l-pajjiż għandu “problema serja” fejn tidħol is-solitudni u hemm bżonn miżuri aktar tanġibbli biex din ir-realtà tkun indirizzata. 

Il-Professur Andrew Azzopardi, l-awtur tal-istudju, insista li l-awtoritajiet jagħmlu ħażin jekk iweħħlu fil-Covid-19.

“Anke jekk dan huwa l-każ (li mhuwiex), la n-numri huma daqshekk għolja jikkonferma dak li jiena ilni ngħid għal dawn l-aħħar 18-il xahar, jiġifieri li mhux qed issir biżżejjed ħidma biex nindirizzaw it-trawma ta’ wara l-Covid-19 ... Li għamel il-Covid-19 huwa li tella’ fil-wiċċ realtajiet li ma ridnix nitkellmu dwarhom,” qal il-Professur Azzopardi. “Ma naħsibx li n-numri u ż-żieda li rajna fl-aħħar tliet snin kienu se jkunu differenti kieku ma kienx hawn il-Covid-19.”

Propju għalhekk li l-Fakultà qed tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet għal miżuri tanġibbli li jistgħu jkunu implimentati f’qasir żmien u oħrajn fit-tul bil-għan li dan il-fenomenu “li qed issir dejjem aktar kumpless” ikun indirizzat.

Fost oħrajn qed tirrakkomanda li jkun hemm aktar servizzi fejn persuni li jħossuhom waħedhom ikunu jistgħu jitkellmu u ħidma aktar fil-qrib mat-tobba tal-familja biex jindikaw kundizzjoniijet tas-saħħa li jistgħu jkunu riżultat tas-solitudni jew viċi-versa.

Qalu wkoll li hemm bżonn politika nazzjonali u strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u strateġija oħra speċjalizzata biex tindirizza s-solitudni.

Qed tipproponi wkoll bidliet drastiċi bħal pereżempju tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol u żieda fil-pagi b’mod li inqas persuni jkollhom bżonn jagħmlu part-time u għalhekk il-ħaddiema jkollhom aktar ħin għalihom, il-familja u l-ħbieb. 

Tistaqsi jekk wasalx iż-żmien li jkun hawn bidla fil-mudell ekonomiku tal-pajjiż u li kulħadd jevalwa l-istil tal-ħajja tiegħu u l-kilba għall-istatus, il-flus u l-proprjetà li toħnoq lil xi wħud.

Tipproponi li jkun hemm Segretarju Parlamentari għas-Solitudni, fi ħdan il-Ministeru responsabbli mill-politika soċjali u anke Kummissarju għas-Solitudni.

Il-Fakultà qed tisħaq ukoll li għandu jkun hemm riflessjoni aktar serja dwar il-kura istituzzjonalizzata u aktar koordinament bejn il-programm LEAP tal-Gvern, Dijakonia tal-Knisja u s-Soup Kitchens.

“Bħala pajjiż jeħtieġ li naġixxu malajr. L-informazzjoni bbażata fuq l-evidenza u n-numri hemm qegħdin u l-proposti qed jiżdiedu. Li għandna bżonn hija l-azzjoni,” temmew jisħqu r-riċerkaturi.

More in Politika