'Tibqax tiddefendihom fil-Qorti ... għid li għandhom tort' - Delia lil Fearne dwar Steward

Delia kien qed jirreferi għall-kummenti ta' Fearne meta rrimarka li Steward għamlu profitt u għalhekk argumenti li huma qed jagħmlu issa ma jreġux

Id-Deputat Nazzjonalista, Adrian Delia, ħeġġeġ lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex ma jiqbax jiddefendi lil Steward u jissieħeb fil-kawża li hu fetaħ kontra l-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare.

Delia kien qed jirreferi għall-kummenti ta' Fearne meta lbieraħ qal li l-kummenti ta' Steward, jiġifieri li l-konċessjoni mogħtija lilhom mhijiex adegwata, ma għadhomx jagħmlu sens għax issa huwa ċar li għamlu profitt.

Propju għalhekk li l-Ministru talab lis-Segretarju Permanenti biex jikteb lil Steward, li jridu bidla fil-kuntratt oriġinali u t-termini tiegħu, biex jgħidilhom li ġaladarba għamlu profitt ifisser li bil-konċessjoni kif inhi, il-kumpanija tista' tagħmel profitt.

Delia kien fetaħ każ kontra dan il-ftehim u qed jisħaq li l-Qorti għandha tiddikjara null. Oriġinarjament il-ftehim sar mal-VGH sakemm dawn fallew, ħallew Malta u l-konċessjoni għaddhiet ħabta u sabta f'idejn Steward li iżda, skont Delia, fallew mill-obbligazzjonijiet tagħhom.

Madanakollu, Konrad Mizzi, meta kien Ministru, kien daħal fi ftehim mal-istess kumpanija li tgħid li l-Gvern irid jagħti €100 miljun lilha jekk għal xi raġuni, il-kuntratt ikun ikkanċellat. Fearne qed jisħaq li dan se jkun ikkontestat mill-Gvern.

Propju għalhekk li Delia insista li Fearne "induna" b'dak li ilu jgħid hu imma insista wkoll li issa huwa tard wisq.

"Min jisirqek tiktiblu! Min jisirqek tfittxu u tinvestigah," insista Delia.

Appella lil Fearne biex idaħħal nota fil-kawża li "ftaħt kontra tagħhom u jgħid lill-Imħallef li Vitals u Steward għandhom tort u mhux jibqa' jiddefendihom fil-Qorti."

Qal ukoll li l-Prim Ministru baqa' sieket dwar dan u għandu jgħid ċar u tond jekk mhux qiegħed fuq in-naħa tal-poplu dwar din il-kwistjoni.

Aqra wkoll:

Żbalji, nuqqas ta' konsultazzjoni u Memorandum - Dak li qal l-Awditur fuq il-kuntratt mal-VGH

More in Politika