Il-PM jisħaq li ma hemm l-ebda investigazzjoni għaddejja fuq xi ministru implikat fl-iskandlu ta' TM

F'kummenti mal-ġurnalisti l-Prim Ministru ċaħad kategorikament li l-Partit Laburista kien involut fil-każ tal-allegat korruzzjoni fit-testijiet tat-teorija tas-sewqan

Il-Prim Ministru Robert Abela ddefenda lill-ministri tiegħu u saħaq li ma hemm l-ebda investigazzjoni għaddejja fuq l-ebda ministru b’rabta mal-każ tal-allegat korruzzjoni fit-testijiet tat-teorija tas-sewqan.

Meta t-Tnejn li għadda, tliet uffiċjali ta’ Transport Malta ttellgħu l-Qorti akkużati b'korruzzjoni, fost oħrajn, ġie implikat ministru u anke politiċi oħra li iżda ma ssemmewx b’isimhom.

Wieħed mill-akkużati, waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija, qal li ħassu kostrett jirranġa lil ċertu persuni biex jgħaddu għax kienu qed jaħdmu f'villa ta' Ministru. L-investigazzjoni wasslet ukoll biex il-Pulizija televa informazzjoni minn mowbajls tal-akkużati li fihom persuni b'rabta ma' partit politiku, taw id-dettalji ta' persuni li kellhom jgħaddu mit-test tas-sewqan.

It-tliet akkużati, fosthom direttur ta' Transport Malta, qed jiċħdu l-akkużi kollha.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru saħaq li ma hemm l-ebda investigazzjoni, akkużi kriminali jew inkella proċeduri legali kontra xi membru tal-kabinett.

Dwar jekk tkellimx mal-ministri dwar dan, il-Prim Ministru ma weġibx imma tenna li ma kienx infurmat li hemm xi investigazzjoni fuq xi ministru.

Ċaħad ukoll kategorikament li l-Partit Laburista kien involut f’din il-kwistjoni. 

More in Politika