Ħerba f'Marsamxett: L-investitur ma jħallasx u l-kuntrattur ikollu jissospendi x-xogħol fil-pitch tal-waterpolo

Il-proġett tal-pitch tal-waterpolo tal-Belt tħalla nofs leħja hekk kif il-kuntrattur ma tħallasx mill-investitur privat li daħal biex jimmodernizza l-faċilitajiet. Dan wassal biex l-inħawi ta’ Marsamxett jitħallew f’ħerba sħiħa

Il-proġett li kellu jagħti dehra għall-kollox differenti lill-pitch tal-waterpolo tal-Belt Valletta, ilu għal diversi xhur wieqaf hekk kif l-investitur waqa’ lura fil-ħlasijiet, tant li l-kuntrattur ma kellux għażla oħra ħlief li jissospendi x-xogħol. Dan wassal biex l-inħawi ta’ Marsamxett jitħallew f’ħerba sħiħa għad-dettriment tar-residenti li jinżlu għar-rikreazzjoni fiż-żona u anke għas-sidien tar-ristoranti fiż-żona.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet kemm mal-investitur, Dominic Micallef, mal-kuntrattur imqabbad minnu, G&B Borg LTD ,u anke ma’ sorsi mill-kumitat tal-klabb tal-waterpolo tal-Belt Valletta.

Kelliem għall-kumpanija G&B Borg insista li x-xogħlijiet kellhom jieqfu hekk kif Micallef għandu mijiet ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet lura u għalhekk kien impossibbli li l-kuntrattur jibqa’ jaħdem mingħajr ma jitħallas. Hu mifhum li dan il-ħlas b’lura jammonta għal viċin il-miljun ewro.

Min-naħa tiegħu, Micallef, filwaqt li rrikonoxxa li għandu d-dejn mal-kuntrattur, insista li kien hemm kwistjonijiet oħra u assigura li x-xogħlijiet se jkunu qed ikomplu “fix-xhur li ġejjin.”

Kien ilu jinħass il-bżonn li l-pitch tal-waterpolo tal-Belt jingħata dehra ġdida u x-xogħlijiet bdew minnufih ftit wara li SportMalta għaddiet il-faċilità lill-klabb tal-waterpolo Valletta United, b’ċens għal 49 sena.

Il-Kumitat fil-fatt kien ħaseb li jikkomerċjalizza din il-faċilità kemm biex estetikament tkun isbaħ u anke biex isservi bħala sors ta’ dħul għall-istess klabb. Kien għalhekk li fittxet investituri privati li kienu lesti jidħlu għal dan il-proġett.

X’jinkludu x-xogħlijiet?

Ix-xogħlijiet jinkludu t-twaqqih tal-binjiet antiki ta’ madwar il-pitch. B’investimenti ta’ miljuni ta’ ewro, il-proġett (li suppost tlesta) kellu jbiddel il-faċilità f’lido.

Fost oħrajn, il-proġett jinkludi xogħol estensiv fuq il-pitch innifsu, anke għax il-pitch eżistenti ġie mirdum biex tkun tista’ ssir pixxina aktar moderna, bl-ilma ħelu u faċilitajiet varji u aħjar bħal ristorant. Il-bini mill-ġdid ta’ din il-pixxina u l-faċilitajiet mhux se joħorġu mill-konfini tal-iżvilupp li kien hemm qabel bdew ix-xogħlijiet. Dan apparti faċiltajiet għat-taħriġ għat-tim tal-waterpolo.

‘Ħadna paċenzja kemm flaħna ... nixtiequ nlestuh’

“Ix-xogħlijiet bdew lejn l-aħħar tas-sena 2020 u l-bidu tal-2021 u kienu mexjin b’ritmu tajjeb u skont il-pjanijiet, anke jekk huwa proġett ambizzjuż u fih l-isfidi tiegħu,” saħaq kelliem għall-kumpanija G&B Borg. “Aħna mxejna mal-pjan u l-aktar parti diffiċli tal-proġett, jiġifieri l-ilqugħ biex jilqgħu l-ilma baħar meta jkun il-maltemp, tlestew.”

Madankollu, kompla jispjega l-kelliem tal-kumpanija, l-investitur waqa’ lura fil-ħlasijiet.

“Akkomodajna kemm nistgħu lill-klijent tagħna. Ħadna paċenzja għax aħna wkoll irridu dan il-proġett lest għax għalina kien proġett importanti. Imma issa ilna xhur weqfin,” kompla jisħaq.

Mistoqsi kemm għandu dejn l-investitur mal-kuntrattur, il-kelliem insista li hemm għexieren ta’ mijiet ta’ ewro fi ħlasijiet b’lura u ma kinux se jissospendu x-xogħlijiet kieku kien hemm dejn ta’ ftit eluf.

“Aħna irridu naraw dan il-proġett lest. Għalina dan huwa proġett prestiġġjuż. Iddiskutejna wkoll mal-klabb anke jekk hu mhux il-klijent tagħna. Tlabnihom jintervjenu,” insista l-Kelliem. 

Mistoqsi jekk hux jitkellmu mal-investitur, il-kelliem insista li żammew kommunikazzjoni kontinwa u pprovaw isibu kompromess diversi drabi.

“Issospendejna x-xogħol b’għafsa ta’ qalb. Suppost lestjenih u kellna tim sħiħ iddedikat fuq dan il-proġett biss.  Aħna rridu relazzjoni tajba anke mal-komunità Beltija. Imma ma stajnix inkomplu hekk. Kumpanija oħra ma kinitx se tieħu l-paċenzja li ħadna aħna.”

Il-kelliem temm jisħaq li mhux jeskludu li jieħdu passi legali jekk l-investitur jibqa’ ma jħallasx. 

Jekk bħalissa wieħed jinżel fl-inħawi ta’ Marsamxett se jsib ħerba sħiħa. It-triq kellha tidjiq u hemm krejn enormi li jidher min-naħa ta’ fuq tal-Belt u anke minn Tas-Sliema. Wieħed faċilment jista’ jidħol ukoll fil-pitch minkejja l-periklu li hemm.

Il-kuntrattur jikkonferma d-dejn imma jisħaq li ‘fondi hemm’

Min-naħa tiegħu, l-investitur Dominic Micallef ikkonferma mal-ILLUM li x-xogħlijiet huma wieqfa. Filwaqt li saħaq li “fondi hemm” ikkonferma li għandu d-dejn mal-kuntrattur.

Madanakollu qed jiċħad li x-xogħlijiet waqqfu minħabba din il-kwistjoni biss. Qal li meta bdew ix-xogħlijiet, xi tliet xhur wara, instabet “blata ta’ żmien il-Kavallieri” u kien hemm bżonn alterazzjoni fil-permess. Qal ukoll li fuq il-ħajt li jidher min-naħa ta’ Manoel Island inqalgħu xogħlijiet mhux previsti li swew mal-kwart tal-miljun ewro.

“Il-kwistjoni primarja kienet ukoll ammont ta’ garanziji min-naħa tal-Gvern li baqgħu ma ġewx anke minħabba burokrazija,” qal Micallef filwaqt li ma speċifikax dawn x’inhuma.

Insista li x-xogħlijiet waqqfu wara li kien hemm qbil mal-kuntrattur u wiegħed li fix-xhur li ġejjin ix-xogħlijiet se jkunu qed ikomplu.

Il-klabb mhux kuntent bis-sitwazzjoni...

Intant sors viċin il-kumitat tal-Klabb tal-Waterpolo saħaq mal-ILLUM li l-Kumitat mhu xejn kuntent bis-sitwazzjoni.

Insista li dan huwa proġett kompletament privat u huwa f’idejn l-investitur li jara li dan il-proġett ikun konkluż kif imwiegħed.

Saħaq li meta l-klabb ħa f’idu dawn il-faċilitajiet, minnufih ra kif se jtejjibhom u anke jikkomerċjalizzahom.

“Bilfors trid tagħmel hekk biex tiġġenera dħul. Hekk qed jagħmlu l-każini. Kellna nieħdu ħafna flus mill-Gvern u ma ħadna xejn,” saħaq l-istess sors.

Dwar l-investiment, is-sors qal li qabel Micallef, kienu avviċinaw lill-klabb żewġ investituri privati oħra li iżda qatgħu qalbhom meta għamlu l-istimi tagħhom dwar kemm jiġi jiswa dan il-proġett.

“Eventwalment ġie Micallef, assigurana li kapaċi jagħmel dan il-proġett. Ix-xogħlijiet bdew u suppost dan is-sajf kellu jkun miftuħ imma jekk tiġi se tara biss ħerba. Waqa’ lura fil-ħlasijiet u l-kuntrattur kellu jissospendi,” insista.

Mistoqsi x’se jkun qed jiġri jekk l-investitur ma jkunx kapaċi jkompli l-proġett, is-sors saħaq li dan ikun ifisser li kiser il-kuntratt.

“Laqgħat għaddejjin kontinwament u se naraw li fix-xhur li ġejjin ikun hemm żviluppi.”

More in Politika