Ħames għaqdiet jappellaw l-approvazzjoni tal-ERA għal bini ta' 19-il villa fuq Kemmuna

L-għaqdiet saħqu li ma nistgħux nifhmu kif l-ERA approvat proġett li jikser kull politika ambjentali u tal-ippjanar li teżisti

Ħames għaqdiet ambjentali ngħaqdu biex jappellw l-approvazzjoni riċenti, min-naħa tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi li tat permess għal bini ta' "raħal estensiv, ristorant u ħanut" fuq Kemmuna.

BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti u Nature Trust - Malta qed jopponu bis-sħiħ l-urbanizzazzjoni ta’ Kemmuna u dik li huma sejħulha bħalha l-valutazzjoni superfiċjali li saret dwar dan il-proġett privat li hu propost li jsir fuq riserva naturali prezzjuża.

L-ewwel seduta tal-appell ser issir nhar il-Ħamis 15 ta’ Settembru. 

“Ma nistgħux nifhmu kif l-ERA approvat proġett li jikser kull politika ambjentali u tal-ippjanar li teżisti, mid-Direttiva dwar il-Ħabitats sal-Pjan Lokali. Minflok tħares il-bijodiversità u l-bilanċ ekoloġiku sensittiv ta’ dan is-sit tan-Natura 2000, l-ERA approvat l-urbanizzazzjoni tal-gżira, il-qtugħ ta’ 380 siġra protetta u l-qerda tal-istat naturali tal-post," qalu l-għaqdiet.

Insistiet li dan seħħ wara li l-ERA għamel "snin sħaħ poġġuta" fuq dokument dwar kemm tiflaħ iġġorr nies Kemmuna, li ma riditx tippubblika.

"Aħna appellajna d-deċiżjoni tal-ERA quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar u ser inkomplu nisħqu fuq il-ħarsien ta’ kull rokna ta’ Kemmuna.”

Il-proposta għall-iżvilupp tressqet minn fergħa sussidjarja tal-Hili Group u tkopri d-disa’ bungalows abbandunati li hemm bħalissa fil-Bajja ta’ Santa Marija inkluż il-bini ta’ 19-il villa għal persuni privati kif ukoll ristorant u ħanut tal-bżonnijiet. Il-popolazzjoni prevista għall-post hija ta’ 130 persuna.

Dan l-iżvilupp, fi kliem l-għaqdiet se jeqred parti kbira mix-xagħri u jxekkel l-integrità ambjentali tal-bajja.

"Il-proposta hija eżempju ċar ieħor ta’ disprezz sħiħ lejn ambjent san u tinsab fil-proċess ta' applikazzjoni għall-ippjanar fejn wara perjodu li fih il-pubbliku jkun jista’ jibgħat l-oġġezzjonijiet, titressaq imbagħad quddiem il-bord tal-PA," temmew jgħidu l-għaqdiet.

More in Politika