Sant jgħid li s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-PN hija riżultat tat-tmexxija ta' 'GonziPN'

Jisħaq li meta Lawrence Gonzi baqa' jinsisti li jibqa' jmexxi meta tilef il-maġġoranza Parlamentari kien hemm idaħħal 'velenu aħrax fil-vini tat-tmexxija tal-partit'

L-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Alfred Sant qal li s-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista hija tort ta’ “GonziPn” u l-amministrazzjoni ta’ bejn l-2008 u l-2013.

Sant qal dan fuq Facebook u insista li għalhekk dan ma jintqalx hemm bżonn min jitkellem anke għax insista li “t-taħwida” li jinsab fiha l-PN tista’ tkun waħda fatali.

Huwa rrefera għal fatt li rappreżentanti għolja tal-PN qed jibqgħu jillitikaw pubblikament, fi kliemu “b’ċertu ħdura.”

“F’demokrazija Parlamentari mibnija esklussivament madwar żewġ partiti, bħal f’tagħna, meta partit fil-Gvern jibqa’ jiġġieled kontra l-fatt li tilef il-maġġoranza tiegħu fil-Parlament, billi jara kif se jagħmel kompromessi ma’ min tellifhielu, jew lipazzar ieħor, ikun qed idaħħal velenu aħrax fil-vini tat-tmexxija tal-partit,” qal Sant.

Qal li dak iż-żmien ma kienx hemm alternattiva serja oħra ħlief li kellha tissejjaħ elezzjoni, kif għandu jiġri kull meta partit jispiċċa jitlef il-maġġoranza ta’ bejn tnejn fil-Parlament.

Insista li l-kompromessi li jsiru fi ħdan partit li akkost ta’ kollox ikun irid jibqa’ jmexxi “kif għamel il-Prim Minsitru Gonzi bejn l-2010 u l-2013” teqred is-sisien tal-partit u ġġibu dahru mal-ħajt malli jitlef l-elezzjoni.

“Aktar u aktar bil-maniġġi li saru fl-2013 biex wara l-elezzjoni, l-elite ta’ GonziPN, tibqa’ tmexxi,” qal Sant.

L-aħħar li fetaħ il-kanuni kontra t-tmexxija tal-PN kien l-eks Viċi Kap Robert Arrigo li qal li fl-aħħar xhur, kemm ilu Kap Bernard Grech, huwa ġie emarġinat u ma tħalla jagħmel xejn għajr jiġbor il-flus. Saħansitra qal li ġie eskluż mill-kampanja elettorali u kien hemm drabi fejn lanqas biss tħalla jitla’ fuq il-palk mal-bqija tat-tmexxija.

More in Politika