'Qabel l-elezzjoni l-Gvern qal li hemm pjan u issa niskopru li dan kien ingann' - Il-PN dwar l-Air Malta

Jerome Caruana Cilia u Ivan Castillo jisħqu li l-Gvern inganna lill-ħaddiema tal-Air Malta...

Caruana Cilia u Castillo waqt il-Konferenza
Caruana Cilia u Castillo waqt il-Konferenza

Il-Partit Nazzjonalista - permezz ta' konferenza indirizzata mid-Deputati Jerome Caruana Cilia u Ivan Castillo - akkuża lill-Gvern illi "inganna lill-ħaddiema tal-Air Malta għax qabel l-elezzjoni qallhom li kellu pjan u kollox kien lest, iżda llum qed nirrealizzaw li dan ma kienx minnu."

Huma qalu li fl-Air Malta ħadd ma jaf eżattament x'se jkun qed jiġri għax il-Gvern mhux jagħmel ċar x'inhi l-istrateġija tiegħu. 

Il-Kelliem tal-PN għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia spjegaw kif il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jitkellem f'isem il-ħaddiema meta jisħaq li Robert Abela u l-Gvern iwieġbu l-mistoqsijiet, fosthom dwar fejn marru l-flus li kienu investiti, kif qed jintagħżlu l-ħaddiema u anke dwar il-pagi u l-benefiċċji li qed jingħataw.

Castillo u Caruana Cilia sostnew li l-PN se jibqa' qrib il-ħaddiema kollha, "partikolarment dawk li bħalissa jinsabu għaddejjin minn inċertezza kbira" u akkuża lill-Gvern li mhux jagħmel biżżejjed biex jindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw diversi ħaddiema, fosthom l-għoli tal-ħajja.

More in Politika