Malta tassigura eżenzjoni mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal tnaqqis mandatorju fl-użu tal-gass

Bħala gżira maqtugħa min-network Ewropew tal-gass, Malta se tkompli taħdem biex tippromwovi enerġija rinnovabbli u aktar effiċjenti

Il-Ministru Dalli waqt il-Laqgħa Straordinarja
Il-Ministru Dalli waqt il-Laqgħa Straordinarja

Malta assigurat eżenzjoni minn regolament mandatorju tal-Kummissjoni Ewropea biex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu l-użu tagħhom tal-gass bi 15% f’każ ta’ emerġenza fis-sigurtà tal-provvista.

F’laqgħa straordinarja tal-Ministri tal-Enerġija fi Brussell, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, għamlet il-każ ta’ Malta bħala gżira maqtugħa minn-network tal-gas Ewropew. Sostniet li fil-każ speċifiku ta’ Malta, fejn il-qalba għal fjuwils mhix għażla vijabbli, it-tnaqqis mandatorju jkun ta’ detriment kemm għan-negozji u għall-familji.

Kuntrarjament għal bosta pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta mhix mqabbda man-network Ewropew tal-gass u l-użu tal-LNG huwa esklussivament ristrett għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Fil-fatt, Malta tirċievi l-kunsinji abbażi ta’ skeda permezz ta’ ftehim għall-provvista tal-gass.

“Ninsabu magħquda mal-bqija tal-Unjoni Ewropea biex ngħaddu messaġġ b’saħħtu ta’ solidarjetà u koperazzjoni biex nissalvagwardjaw iċ-ċittadini tagħna u nassiguraw is-sigurtà tal-provvista. Minkejja li Malta hija eżenti mit-tnaqqis mandatorju ta’ 15% fl-użu tal-gass, se nkomplu naħdmu biex inżidu s-sehem rinnovabbli u ninċentivaw lin-negozji u l-familji biex jagħmlu l-qalba għal operat b’enerġija effiċjenti u mudelli ta’ enerġija rinnovabbli”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Sitt ijiem ilu l-Kummissjoni Ewropea pproponiet mira mandatorja għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jaqtgħu l-użu tal-gass bi 15% minn Awwissu sa Marzu. Dan imqabbel mal-medja tal-konsum fl-istess perjodu bejn l-2016 u l-2021.  Magħrufa bħala ‘Union Alert System’, din il-proposta ddawwar it-tnaqqis volontarju għal wieħed mandatorju.

“Huwa kruċjali li s-suq jirċievi sinjal ċar biex titnaqqas iż-żieda kontinwa tal-prezzijiet tal-gass li qed tiġi riflessa fil-prezzijiet tal-elettriku. Kull bidla li issir fuq livell tal-Unjoni Ewropea se jkollha impatt dirett, partikolarment f’xenarju fejn qed nesperjenzaw prezzijiet tal-enerġija ogħla u volatili. Dan minkejja li l-Gvern Malti qed ikompli jassisti lin-negozji u lill-familji biex inżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli”, żiedet tgħid il-Ministru Dalli.

More in Politika