'€60 iktar kull passiġġieri jekk l-UE tinsisti fuq taxxa għall-fjuwil tal-ajruplani' - MHRA

Dan kollu intqal dalgħodu waqt li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) ippreżentat ir-Rendiment tal-Prestazzjoni għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2022

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra qal li l-insistenza tal-Unjoni Ewropea biex tkun imposta taxxa tal-fjuwil fuq il-biljetti tat-titjiriet se twassal biex il-prezzijiet jgħollew b’medja ta’ €60 u insista li "din se teqred l-industrija tal-lukandi." 

Dan kollu intqal waqt seminar organizzat mill-MHRA li matulu tat id-dettalji tal-andament tat-turiżmu f’Malta fl-ewwel u fit-tieni kwart ta’ din is-sena. 

Waqt l-istess seminar intqal ukoll kif l-MHRA qed tbassar li l-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru se jkunu qed jiżdiedu sostanzjalment fil-futur qarib hekk kif l-Ewropa qed tipprepara biex tilleġiżla r-regoli meħtieġa biex tissostitwixxi l-fjuwil tal-ajruplani li bħalissa jaħdmu fuq fossil fuel għal fjuwil tal-avjazzjoni aktar sostenibbli. 

“Fil-futur se nkunu qed niffaċċjaw taxxi għoljin minħabba l-insistenza tal-UE li tnaqqas it-tniġġis tal-ajru. Minħabba li Malta tinsab fil-periferija din tista’ tfisser €60 taxxa żejda għal kull passiġġieri. Dan se jeqred in-negozju tiegħek,” qal Zahra lil-lukandiera. 

Kif inhu l-andament tat-turiżmu? 

Raphael Aloisio, Financial Advisory Leader għal Deloitte Malta qal li l-industrija rat “żidiet massivi” fl-attività, meta mqabbla mal-2021, bl-2019 tibqa’ s-sena rekord li magħha qabblu. Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-wasliet tat-turisti laħqu 76% ta’ dawk li waslu fl-2019. Fit-tieni kwart, Malta rkuprat 85% tat-turisti.  

"Għalkemm id-distakk naqas, it-tbassir huwa li l-2024 se jkun iż-żmien meta t-titjiriet u l-movimenti tat-turisti jilħqu l-livelli tal-2019," qal Aloisio. 

L-ammont ta’ ljieli li t-turisti qattgħu fil-lukandi fl-ewwel nofs ta’ din is-sena kien ftit ogħla minn dak tal-2019. B’kollox, f’dawn ix-xhur, l-ammont ta’ ljieli li t-turisti qattgħu fil-lukandi kien jammonta għal 78% ta’ dak fl-2019. It-turisi nefqu medja ta’ €109 kuljum, jiġifieri 2.5% inqas mill-medja rreġisrtata fl-istess perjodu fl-2019. 

In-nefqa totali fl-ewwel sitt xhur tal-2022 kienet tilħaq is-76% ta' dik fl-2019. 

Fejn jidħlu l-bookings, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, ġew irkuprati 67% tal-prenotazzjonijiet li saru fl-2019.  

“Il-kunfidenza tan-nies biex jibbukkjaw titjiriet u vaganzi qed tiżdied bil-mod iżda b'mod konsistenti,” qal Aloisio. 

Aloisio spjega wkoll kif ir-rata ta’ rkupru fil-lukandi kien aħjar minn dik f’akkomodazzjoni privata, bħalma l-appartamenti.   

"Il-lukandi ħadu s-sigurtà bis-serjetà matul il-pandemija u marru aħjar minn akkomodazzjonijiet oħra," qal Aloisio. 

Qal ukoll li s-suppliment tal-pagi tal-COVID-19 u n-nuqqas ta’ ħaddiema waslu għal pagi aktar baxxi fil-kategoriji kollha tal-lukandi sa Mejju 2022.  

"L-andament tat-turiżmu għax-xhur ta’ Lulju u Awwissu huwa qawwi ħafna u saħansitra qed ikun imbassru medja ogħla minn dik tal-2019. Madanakollu, sa issa, il-bookings għal Settembru u x-xhur ta’ wara jidher li huma kajmana," qal Aloisio. 

Tfixkil riċenti fl-ajruporti ewlenin u l-konnettività ta’ Malta 

It-tfixkil riċenti fl-ajruporti ewlenin fl-Ewropa bħal Londra Heathrow u Amsterdam Schiphol, kienu qed jaffettwaw l-industrija wkoll. 

Raphael Aloisio qal li l-maġġoranza tal-lukandi kienu qed jesperjenzaw ammont konsiderevoli ta’ kanċellazzjonijiet, sa 10% u qed jesperjenzaw rata ta’ pick-up pjuttost kajmana għal Lulju u Awwissu. 

Min-naħa tiegħu, Tony Zahra stqarr li minkejja li l-irkupru ekonomiku mill-pandemija għas-settur tal-ospitalità issa qed jaqbad ritmu tajjeb, is-settur kien qed jifaċċja sfidi oħra, fost l-oħrajn dawk relatati mat-tibdil fil-klima, il-gwerra, l-inflazzjoni globali u n-nuqqas ta’ ħaddiema.  

‘Importanti li l-Air Malta tibqa’ ttir’ 

Huwa rrefera speċifikament għall-konnettività u l-isfidi li l-industrija tal-avjazzjoni qed tiffaċċja bħalissa, il-kaos fl-ajruporti kollha u l-inkapaċità tal-industrija tal-linji tal-ajru li żżid l-impjegati biex tissodisfa d-domanda qawwija. 

“Il-konnettività hija l-isem tal-logħba għal Malta, dejjem kienet u dejjem se tkun. Is-sena li għaddiet l-Air Malta baqgħet ittir vojta sabiex il-konnettività tibqa’ għaddejja. Huwa ta’ importanza kbira li l-linja nazzjonali tal-ajru tibqa’ ttir, għax mingħajrha l-problemi jkunu agħar ħafna.” 

Zahra sostna li l-industrija tal-ospitalità kellha tkun innovattiva.  

More in Politika