Mater Dei huwa t-tielet sptar fid-dinja li investa f'magna għal scans aktar ċari tal-qalb

Din il-magna mistennija tagħmel mal-4,000 scan tal-qalb fis-sena

B’investiment ta’ €700,000  minn fondi nazzjonali u minn fondi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, l-Isptar Mater Dei kiseb magna ġdida ta’ kardjoloġija nukleari fi ħdan id-Dipartiment tal-Medical Imaging li se twassal biex l-iscans tal-qalb isiru b’inqas raġġi għall-pazjent, f’inqas ħin u b’riżultati iżjed ċari. 

Waqt l-inawgurazzjoni tal-magna, li taħdem permezz tal-gamma rays, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-Isptar Mater Dei huwa t-tielet sptar fid-dinja li qed juża din it-teknoloġija sofistikata għal scans tal-qalb. 

Fisser kien din il-magna mistennija tagħmel mal-4,000 scan tal-qalb fis-sena u għalhekk se tkun qed tikkontribwixxi għal tnaqqis sostanzjali fil-waiting list preżenti. 

“Din is-sistema l-ġdida, apparti li tagħtina l-opportunità li noffru lill-pazjenti tagħna aċċess għal iżjed trattamenti innovattivi, se tpoġġi lill-Isptar Mater Dei fuq il-mappa dinjija tas-saħħa. Dan huwa wieħed mill-proġetti li jagħti xhieda ta’ kemm il-gvern irid ikompli jinvesti fil-qasam tas-saħħa tal-poplu Malti sabiex nibqgħu meqjusa bħala waħda mill-aqwa sistemi tas-saħħa fid-dinja," saħaq il-Ministru Fearne.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-konsulent tal-mediċina nukleari Anthony Samuel spjega li din il-magna ġdida tipproduċi immaġini tal-qalb iżjed ċari b’riżoluzzjoni aqwa mill-magni preċedenti, u b’hekk tgħin lit-tobba jagħmlu dijanjosi aħjar. Huwa spjega li dan huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li d-dipartiment qed jagħmel mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika.

More in Politika