Il-Gvern jordna inkjesta fl-Uffiċċju tal-AĠ wara l-każ tal-Avukati ta' Yorgen Fenech

Il-PN saħaq li l-Ministeru għall-Ġustizzja qed jipprova jassigura li Victoria Buttigieg tibqa' fil-pożizzjoni tagħha u jinsisti li din għandha tirriżenja minnufih

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ordna inkjesta indipendenti fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara li l-avukati ta’ Yorgen Fenech inħelsu mill-akkużi li pprovaw ixaħħmu ġurnalist minħabba żball fl-akkuża maħruġa mill-istess uffiċċju.

Skont The Times of Malta, il-Ministru ħatar lill-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi biex imexxi din l-inkjesta.

L-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran kienu tressqu l-Qorti akkużati li pprovaw ixaħħmu lill-ġurnalist Ivan Martin.

Yorgen Fenech, il-klijent tagħhom, qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Madanakollu, huma nħellsu mill-akkużi minħabba nuqqas min-naħa tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Fil-fatt, meta ħareġ l-akkuża, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jsemmi tip ta’ tixħim li f’dan il-każ ma jirriżultax.

Kien dan li wassal biex iż-żewġ Avukati jinħelsu mill-akkużi.

Minħabba dan l-iżball, kemm il-Partit Nazzjonalista, l-organizzazzjoni Repubblika u anke l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin talbu biex l-Avukat Ġenerali, Victoria Buttigieg, terfa’ r-responsabbilità għal dan ‘l-iżball’ u tirriżenja.

L-Avukat Ġenerali appellat mis-sentenza u qed tinsisti li ma kien hemm l-ebda nuqqas minnha f’dan il-każ.

Fi stqarrija, maħruġa llum, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru għall-Ġustizzja ħatar l-inkjesta biex “jgħinha fl-intransiġenza tagħha."

“Għalhekk l-inkjesta maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja mhu ser isservi l-ebda skop ħlief dak li l-Avukat Ġenerali tibqa’ fil-pożizzjoni tagħha u ma terfa’ l-ebda responsabbilità dwar kif qiegħda teżerċita s-setgħat tagħha fi proċeduri kriminali b'mod partikolari meta dawn ikunu dwar każijiet ta' natura serja u li jolqtu s-sigurtà pubblika u l-fiduċja li suppost igawdu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Fakkar fil-każ ta’ Daren Debono, it-Topo u kif l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqqa’ l-akkużi serji ta’ attentat ta’ umiċidju, fil-konfront tal-Pulizija, bħala parti minn patteġġjament. Il-każ huwa dwar l-attentat ta’ serqa tal-HSBC li seħħet fl-2010 u li fiha kienu ġew sparati xi tiri.

“Fil-fehma tal-Oppożizzjoni l-aġir tal-Avukat Ġenerali jikkostitwixxi abbuż mill-indipendenza kostituzzjonali li hija tgawdi u n-nuqqasijiet serji tagħha qegħdin ikomplu jdgħajfu l-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali. Għalhekk l-Oppożizzjoni tistenna li l-Avukat Ġenerali terfa’ r-responnsabbilità tagħha u twarrab mill-kariga tagħha,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika