Leave tal-Ġenituri: Għaqdiet ta' ġenituri u missirijiet jakkużaw lill-Gvern illi huwa 'maqtugħ mir-realtà tan-nies'

Jisħqu li ftit huma dawk li se jkunu jifilħu jieħdu leave li jħallas madwar €110 biss fil-ġimgħa u jikkritikaw 'in-nuqqas ta' flessbilità' tal-bidliet imħabbra...

"Il-Gvern mar għall-minimu assolut f'kuntest ta' soċjetà fejn l-inugwaljanzi bejn il-ġeneru għadhom sinjifikanti u fejn il-piż tat-trobbija u l-kura għadu jaqa' l-aktar fuq il-mara. Dan huwa mill-aktar diżappuntanti." Hekk sostnew numru ta' għaqdiet li jirrappreżentaw nisa u anke missirijiet wara li l-Gvern ħabbar numru ta' tibdiliet, fosthom leave ta' 10 ijiem għall-missirijiet kif ukoll leave mingħajr ħlas għal dawk li jieħdu ħsieb lil familjari li jkunu morda. 

L-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lil nisa, tfal b'diżabilità, missirijiet u s-soċjetà ċivili in ġenerali qalu illi huma kienu esklużi mill-konsultazzjoni qabel ma tħabbret din il-liġi. Huma jfaħħru l-għaxart ijiem leave lill-missirijiet, li jgħidu illi huwa pass pożittiv, "għalkemm xorta mhux biżżejjed". Minkejja dan, huma jgħidu li l-bqija tal-miżuri saħasnitra jmorru kontra l-ispritu tad-direttivi ewropej u jisħqu li probabbilment se jwasslu biex tikber id-diskrepanza bejn l-irġiel u n-nisa f'dak li jirrigwarda kura. "Għalhekk f'għajnejn l-impjegaturi n-nisa se jibqgħu kkunsidrati illi huma sfida akbar mill-missirijiet," qalu, filwaqt li fakkru illi b'dak li se jħallas il-Gvern il-ġenituri se jkunu qed jingħataw kważi €22 kuljum permezz ta' dan il-leave (€110 għal kull ħames tijiem). "Bil-ħajja li qed togħla kif inhi ħadd ma jiflaħ jieħu dan it-tip ta' leave... li tippretendi illi l-ġenituri jgħixu b'€21.85 kuljum mhix realistika. Dawn il-kundizzjonijiet se jwasslu mhux biss biex ħafna missirijiet ma jiħdux dan il-leave, imma anke ommijiet," qalu fi stqarrija, 

Huma qalu illi jekk il-Gvern verament xtaq jinkoraġġixxi dan il-leave "kien messu mar għal rata ta' ħlas ħafna aktar realistika, li hija eqreb għar-rata ta' dħul tal-ġenituri. Minflok il-Gvern mar għal rata ta' ħlas miżerabbli, turija ċara li min għamel dawn il-bidliet huwa maqtugħ mir-realtà tan-nies," sostnew l-għaqdiet fl-istqarrija tagħhom. 

Huma saħqu li anke t-transpożizzjoni tad-Direttiva hija ħażina għax - skont huma - tirrestrinġi lill-ġenituri fuq meta jistgħu fil-fatt jieħdu l-leave, per eżempmju tkompli l-istqarrija, il-ġenituri jistgħu jieħdu biss xahar leave fl-ewwel erba' snin, bil-bqija jittieħdu meta t-tfal ikunu kibru. 

"Din in-nuqqas ta' flessibilità mill-ġdid hija indikattiva ta' nuqqas ta' għarfien tal-bżonnijiet tal-familja, fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu." 

Ifakkru wkoll illi l-fatt li l-leave għall-kura se jkun bla ħlas ifisser li mhuwiex jagħtih l-valur meħtieġ

L-għaqdiet firmatarji ta' din l-istqarrija huma: Il-Malta Women’s Lobby, in-National Parents Society of Persons with Disability (NPSPD), Moviment Graffitti, Positive Birth Malta, The Maltese Daddy u l-Fondazzjoni Aditus. 

 

More in Politika