Intervista | 'L-ambjent mhux fuq Facebook trid tippritkah imma fil-każini, fit-toroq u l-pjazzez, huma dawk in-nies li rridu nikkonvinċu'

Għamel dak li ftit ħasbu li se jagħmel u kisser il-monopolju taż-żewġ partiti fir-raħal li tant iħobb. Mal-ILLUM il-Kunsillier Steve Zammit Lupi jgħid għaliex ħareġ għall-elezzjoni f'Ħaż Żebbuġ bħala indipendenti, għaliex Alfred Sant kellu raġun meta qal li l-partiti ma messhomx jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli u ħafna aktar... 

Għandu 26 sena. Żebbuġi u huwa l-uniku Kunsillier li ġie elett b'mod indipendenti fl-elezzjoni tal-2019 minn Malta kollha. Kiseb total ta' 947 vot fl-Ewwel Għadd biex ġie elett. Zijuh huwa l-eks Deputat Laburista u Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia, huwa voċiferu fuq l-ambjent u s-siġar u din il-ġimgħa kien fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-ILLUM sabiex iwieġeb il-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta, għall-ewwel darba.  

Għaqdiet Studenteski: X'jaħseb Zammit Lupi? 

Zammit Lupi jibda billi jeħodna lura għal meta hu kien diġà involut fil-politika imma fuq livell studentesk, kemm fil-Junior College u anke fil-Kunsill Studenti Universitarji - dejjem mal-SDM. 

U mill-ewwel il-gazzetta tistaqsih dwar dawn l-għaqdiet studenteski llum: Dawn għadhom rilevanti llum? U x'inhi r-rilevanza tagħhom? Għad għandhom l-irwol - kif suppost ikun wara kollox - li jkunu promoturi u instigaturi tal-bidla soċjali u politika? Jew saru sempliċiment kopji minjaturi tal-PN u l-PL?  

Huwa qal illi meta daħal fl-SDM lura fl-2011, jemmen li d-djalogu politiku kien aktar organiku milli huwa llum u filwaqt li huwa daħal għax kien jemmen li jista' jġib il-bidla, qal li jekk iħares 10 snin qabel daħal hu fl-SDM, meta daħal u jħares lejn dawn l-għaqdiet illum - 11-il sena wara - jara li "l-prioritajiet inbidlu."  

Imma f'liema sens?  

Huwa qal illi apparti li ż-żewġ għaqdiet kellhom xejriet ideoloġiċi aktar ċari, "illum iridu joqgħodu aktar attenti u jaraw dak li jiddefinihom, inkella se jitilfu r-relevanza tagħhom."  

Fil-fatt mistoqsi mill-ILLUM huwa jgħid li dawn l-għaqdiet kienu neqsin mid-dibattiti u mid-diskorsi u anke azzjonijiet - fejn u meta saru - li trattaw kwistjonijiet li kienu fuq nett tal-aġenda politika fl-aħħar snin, primarjament l-ambjent u anke l-korruzzjoni. "Għax il-ħsieb huwa li jekk inti titkellem fuq l-ambjent, per eżempju, mela tiġi akkużat li qed tkun partiġġjan u politiku. Din ma nifhimhiex għax li tkun politiku ma jfissirx illi tkun partiġġjan," qal Zammit Lupi.  

'Aħjar nitla' b'diffikultà u waħdi milli nitla' aktar faċilment, ma' partit, u nkun ikkundizzjonat' 

Huwa għamel parallel mal-ħidma tiegħu fil-Kunsill. "Il-ħidma tiegħi fil-Kunsill, qed nagħmilha biss għal Ħaż Żebbuġ - u la biex nirbaħ il-voti u lanqas biex intellef il-voti lil xi partit," sostna l-politiku żagħżugħ.  

Fil-fatt huwa jgħid li kienet għejjietu imbagħad is-sistema fl-għaqdiet studenteski li spiċċaw - skont hu - jaħlu ħafna ħin jiddiskutu affarijiet ta' ftit li xejn rilevanza.  

"Għalhekk f'dak il-punt għidt daqshekk involvejt ruħi, imma mbagħad bdiet riesqa l-elezzjoni tal-2019 u ħsibt bejni u bejn ruħi li jekk vera xtaqt nagħmel bidliet f'Ħaż Żebbuġ, l-aħjar għodda kienet li nidħol fil-Kunsill."  

Kien hawn li staqsa wkoll jekk iridx joħroġ ma' partit jew biss "bħala Steve."  

"Jiena għidt li aħjar nitla' b'diffikultà u waħdi milli nitla' aktar faċilment, ma' partit, u nkun ikkundizzjonat u idejja marbutin," sostna Zammit Lupi. L-ILLUM staqsiet jekk jaħsibx li hekk huwa l-każ - jiġifieri li l-Kunsillieri f'isem il-partit huma "idejhom marbutin."  

"U mela ma jkollhomx idejhom marbutin. Issa jammettux jew le, hija xi ħaġa oħra," qal il-Kunsillier Żebbuġi, li kompla jisħaq iżda li naturalment hemm ħafna Kunsilliera u Sindki li jħobbu lill-lokalità tagħhom, pero' jkun hemm istanzi fejn il-pubbliku jistenna li huma jitkellmu fuq kwistjoni u joqgħodu pass lura għax forsi jibżgħu mir-riperkussjonijiet politiċi.  

Kien hawn li Steve Zammit Lupi fakkar illi l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant ma kienx jaqbel li l-partiti jidħlu fil-Kunsilli Lokali - fil-fatt għall-ewwel il-Partit Laburista ma kienx ikkontesta, bil-PN jakkużah li dan kien ifisser li ma jemminx fil-Kunsilli. "Illum iż-żmien tah raġun lil Sant," afferma Zammit Lupi li kompla jgħid kif l-aħjar mod illi wieħed jiġġieled din is-sistema hija billi aktar nies kapaċi u li jħobbu lir-raħal tagħhom joħorġu bħala Kandidati indipendenti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li jmiss, jiġifieri dik tal-2024. 

Imma jkun hemm min jgħid: Kif se nlaħħaq mal-qawwa u r-riżorsi tal-partiti?  

"Vera ma għandekx il-pjattaforma tal-partiti, imma għandek pjattaforma akbar, ta dawk li qatgħu qalbhom mis-sistema, ta' dawk li ma jridux lill-partiti jkomplu jinfiltraw fil-Kunsill, ta' nies li tilfu l-fiduċja, ta' nies li jridu bidla li mhix ankrata mal-partiti," qal Zammit Lupi.  

Huwa reġa' qal illi kieku l-partiti baqgħu barra mill-Kunsilli, dawn kienu jattiraw ħafna aktar talent u nies li jgħid illi l-ambjent partiġġjan igerrixhom.  

"Għalfejn bilfors trid tkun fil-PN jew fil-PL biex tkun fil-Kunsill?" 

Ġnien tal-Grazzja, Ħaż-Żebbuġ
Ġnien tal-Grazzja, Ħaż-Żebbuġ

'M'aħniex qed naqdu l-bżonnijiet fuq l-aktar ħaġa bażika: L-Indafa' 

Induru għall-problema kbira li qed jiffaċċjaw numru ta' Kunsilli Lokali, dik tal-indafa jew inkella n-nuqqas tagħha. Imma din hija riżultat ta' injoranza, ta' nuqqas ta' infurzar jew tat-tnejn? 

Il-Kunsillier indipendenti jgħid illi biex titwieġeb din il-mistoqsija wieħed irid imur pass lura u jifhem li minn baġit ta' inqas minn miljun ewro - fil-każ ta' Ħaż Żebbuġ - iridu joħorġu l-pagi amministrattivi, flus għall-ġbir tal-iskart - li jfakkar illi jiekol l-akbar parti tal-baġit, flus għall-knis u l-ġbir ta' skart goff, u li jifdal għall-bqija.  

"Jiena nixtieq ikolli ċerta għodda biex intejjeb l-effiċjenza fis-servizz ta' knis," qal Zammit Lupi li jgħid illi hemm ċerta abbużi u mismanagement kbir fis-sistema. Fost oħrajn jispjega kif f'ċerti każi, il-kennies ikun ukoll l-istess persuna li tkun ilha sigħat tiġbor l-iskart.  

"Irridu lin-nies juru fiduċja u jivvutaw għall-Kunsilli u m'aħniex qed naqdu l-bżonnijiet fuq l-aktar ħaġa bażika: L-Indafa," qal Zammit Lupi.  

Huwa spjega kif jixtieq jixtri sweeper truck għal Ħaż Żebbuġ, imma bil-fondi tal-kunsill problema biex jixtruh, problema biex iħaddmu lil xi ħadd ħalli jħaddem dan il-makkinarju "u hemm ħaġa oħra. Id-Dipartiment tal-Gvern ma jħallix Kunsill Lokali jimpjega kennies miegħu, il-kenniesa bilfors bit-tenders," kompla jispjega mal-ILLUM.  

Fakkar li huwa dan il-mismanagement li qed iwassal biex f'postijiet akbar, fejn is-sitwazzjoni hija aktar ikkumplikata bħal San Pawl il-Baħar, qed ikun hemm dipendenza fuq Clean Malta biex jiġbru l-iskart. "Din mhi xejn ħlief Management by Crisis, li għax is-servizz mhux ilaħħaq qed ikollhom jintervjenu tal-Cleansing," ipprotesta Zammit Lupi li kompla jgħid kif dan kollu dejjem fid-dawl ta' "infurzar kompletament ineżistenti."  

Dwar il-punt tal-infurzar Steve Zammit Lupi fakkar illi l-Kunsilli lanqas biss għandhom poteri leġiżlattivi biex, per eżempju, jwaħħlu multi għal min ma josservax ir-regoli. "Green wardens ma jeżistux u persuna tista' taqbad toħroġ saqqu fit-triq, ma ċċempilx lill-Kunsill biex jiġbru (b'xejn!) u qisu xejn mhux xejn," ilmenta l-Kunsillier.  

Huwa kompla jgħid li din qed toħloq sitwazzjoni fejn persuna kważi, kważi tkun inċentivata tkompli tagħmel l-istess minflok tkun immultata għal azzjonietha, bil-Kunsill ma jkollu ebda għażla ħlief li jneħħi dak li jkun tħalla barra. Huwa qal li hemm bżonn ċar ta' tibdiliet strutturali.  

Mistoqsi ċar jekk jemminx li hemm ir-rieda għal din il-bidla, Zammit Lupi kien skjett: "Le".  

Huwa fakkar li anke modi kif narmu ż-żibel hemm bżonn li jinbidlu u jistaqsi fejn tara ġbir ta' skart minn fuq il-bankini, meta hemm modi oħrajn li jħallu lit-toroq aktar nodfa, fosthom wheely bins u anke bring-in sites. Dwar dawn tal-aħħar jgħid li f'diversi postijiet tneħħew minflok saru kameras CCTV, sorveljanza u infurzar kif suppost.  

Siġar fil-pots? 'Traqqigħ tal-pannu...' 

Zammit Lupi huwa - ma' sezzjoni dejjem tikber tal-poplu - voiċferu fuq il-bżonn ta' aktar siġar fl-urban u bir-raġun! Fl-aħħar snin rajna inizzjattivi ta' siġar f'diversi ċentri urbani, bħal Ħaż Żebbuġ stess, il-Ħamrun, Birżebbuġa, bħalissa f'Birguma u aktar. Imma dawn huma kollha inizjattivi ta' traqqigħ tal-pannu bil-qargħa aħmar jew inizjattivi ġenwini biex nagħmlu tajjeb għal nuqqas ta' siġar?  

Huwa qal illi dan jiddependi għal post u semma' l-inizjattiva ta' siġar fi Triq Żaren Dalli f'Birżebbuġa u jgħid li dan huwa eżempju ta' "tokenism" għaliex ifakkar li s-siġar qegħdin f'kontenituri (pots) u allura, apparti li ma jistgħux jikbru aktar, jeħtieġu manutenzjoni kontinwa biex jibqgħu ħajjin. "Stajna Vjal il-Ħelsien għamilna kontenituri u konna naqilgħu l-prosit, iżda imbagħad jekk ta' warajja jiddeċiedi li ma jsaqqix jew ikun hemm problema mal-kuntrattur dawn imutu." Huwa kompla jispjega li kien propju għalhekk illi l-Kunsill Żebbuġi minflok ħaffer l-isfel u ħoloq mod ta' kif l-għeruq jinżlu 'l isfel sabiex ma jersqux lejn id-djar, jissaqqew għall-bidu sakemm imbagħad jikbru waħedhom.  

"Ara l-inizzjattiva f'Birguma fejn qed issir l-istess ħaġa bħal Ħaż Żebbuġ, hija xi ħaġa tajba u hemm bżonn naraw aktar bħalha," qal Zammit Lupi.  

Mistoqsi iżda jekk in-nies japprezzawx dawn l-inizjattivi huwa wieġeb fil-pożittiv u fakkar li hu kien ġabar €4,000 mir-residenti għas-siġar li kien saru.  

Minn naħa l-oħra jgħid illi inizjattivi bħal Green Walls u Green Roofs jeħtieġu ħafna flus, eluf biex isiru u eluf oħrajn biex jinżammu.  

'L-ambjent urban f'Malta huwa fqir immens' 

Kemm jinkiwetah l-istat tal-ambjent f'Malta u jemmen li hemm tama? 

Steve Zammit Lupi jaħsibha ftit din, u imbagħad jirrispondi li jixtieq ikun ottimist. "Pero jinkwetani ħafna l-istat tal-ambjent f'pajjiżna - kemm dak urban u anke dak naturali."  

Il-Kunsillier jisħaq illi l-ambjent urban Malti - u allura l-pjazez, it-toroq, kif nibnu, il-bankini u aktar huwa "fqir immens." Huwa qal li ma jħossx li kif inhu l-ambjent urban Malti qed ikun rispettat il-bżonn li l-poplu jkollu kwalità ta' ħajja aħjar.  

"Imbagħad l-ambjent naturali wkoll. Saru ħafna affarijiet tajbin." jisbda jispjega. "Saru sforzi għal protezzjoni, siti ta' Natura 2000, fost oħrajn - Imma l-pressjoni fuq is-siġar, fuq l-għasafar u fuq l-ambjent rurali hemm qiegħed. Żvilupp tiela', nies li jixtru raba' biex jagħmluhom pixxini jew jagħmlu l-BBQs fihom, ħafna kaċċa illegali...." 

Wasalna lejn it-tmiem u allura l-gazzetta tistaqsi: Imma resqin lejn punt li minnu ma nistgħu nirritornaw qatt?  

Huwa qal illi diġà hemm il-bozza tal-bidla fil-klima li qed tixgħel u wissa- bħal diversi oħrajn qablu fuq din il-gazzetta wkoll - li jekk jinxef l-ilma kollu l-pajjiż isir deżert u wara l-ambjent imut mewta naturali waħdu.  

Imma dan il-poplu qed jirrealizzah? Fuq il-midja soċjali, hekk jidher... 

Iżda Steve Zammit Lupi jtemm ifakkar li "l-Facebook huwa bużżieqa. Huwa tajjeb li ninżlu fil-livell tan-nies. L-ambjent trid tippridkah, mhux fuq il-Facebook imma fil-każini, fit-toroq u fil-pjazzez għax huma dawk in-nies li rridu nikkonvinċu."  

U b'dak il-ħsieb interessanti tal-importanza li l-kwistjonijiet ambjentali u l-prioritajiet urġenti jiġu ppopolarizzati, nagħlqu din l-ewwel intervista tal-ILLUM maż-żagħżugħ, politiku, ambjentalist, Kunsillier u ż-Żebbuġi Steve Zammit Lupi. 

More in Politika