Repubblika jiftħu protest ġudizzjarju kontra l-AĠ wara li ma resqitx is-sid ta' Pilatus Bank il-Qorti

L-NGO akkużat li b’mod persistenti l-Avukat Ġenerali rrifjutat li takkuża numru ta’ individwi ta’ grad għoli rrakkomandati għall-prosekuzzjoni fil-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali dwar Pilatus Bank

Dalgħodu Repubblika ħabbret li se tkun qed tiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg wara li akkuża kemm -il darba li b’mod persistenti rrifjutat li takkuża numru ta’ individwi ta’ grad għoli rrakkomandati għall-prosekuzzjoni fil-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali dwar Pilatus Bank.

Fid-diskors tiegħu, minn quddiem l-entratura prinċipali tal-Qorti, il-President ta' Repubblika, Robert Aquilina saħaq li fi kliem sempliċi, l-Avukat Ġenerali m’għandix tkun f’pożizzjoni li "tagħmel li trid, bla ma ħadd jeżamina l-irraġjonevolezza ta’ dawk id-deċiżjonijiet."

Huwa ħabbar li bl-assistenza tal-Avukat u eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jippreżentaw ittra uffiċjali li permezz tagħha filwaqt li jġibu dan kollu għall-attenzjoni formali tal-Avukat Ġenerali, qed "jinterpellawha sabiex twettaq dmirha skond il-ligi minnufih u bla ebda dewmien ulterjuri."

Huwa qal ukoll li din se tkun diffiċli mhux ftit għalihom minħabba li "l-Gvern Malti fis-sena 2020 ħoloq ostaklu għaċ-ċittadini li b’sens ċiviku jkunu jridu jżommu lill-Avukat Ġenerali responsabbli u fil-fatt din ser tkun l-ewwel darba li din il-parti tal-liġi ser titħaddem."

Aqra l-protest ġudizzjarju hawn:
 

More in Politika