Il-Prosekuzzjoni mwissija biex ma taħlix il-ħin u tispiċċa tidfen il-każ kontra uffiċjal tal-Bank Pilatus

Id-Difiża staqsiet għaliex dwar dan il-każ tressqet biss persuna waħda meta l-inkjesta li saret identifikat għadd ta' persuni oħra li kellhom jiffaċċjaw proċeduri kriminali

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, wissiet lill-Prosekuzzjoni fil-każ kontra eks uffiċjal tal-Bank Pilatus biex ma jippreżentawx evidenza jew iressqu xhieda rrelavanti għax dan jista’ jwassal biex “il-każ jindifen.”

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-eks uffiċjal tal-Bank Pilatus, Claude Anne Sant Fournier. Sant Fournier, li orġinarjament kienet 'money laundering reporting officer' tal-istess bank, qed tkun akkużata, flimkien mal-bank innifsu, b'ħasil ta' flus.

Għal aktar minn darba, il-Maġistrat wissiet lill-Prosekuzzjoni biex ma tispiċċax tippreżenta evidenza jew xhieda li diġà xehdu fl-inkjesta maġisterjali li saret dwar l-operat tal-istess bank.

Il-Maġistrat qalet li kienet obbligata twissi lill-Prosekuzzjoni biex toqgħod attenta li ma tispiċċax tidfen il-każ taħt dokumentazzjoni rrelevanti u li ma tispiċċa qatt.

“Mhu nara xejn li huwa relevanti għall-akkużi sa issa,” qalet il-Maġistrat b’referenza għax-xhieda li tellgħu llum. “Tidfnux l-evidenza.” 

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għal Sant Fournier oġġezzjona wkoll għax-xhieda li qed tippreżenta l-Prosekuzzjoni u saħaq li din mhux qed tkun relevanti għall-każ u l-akkużi. 

Fakkar li l-kumpilazzjoni ilha pendenti minn Settembru li għadda. 

“Mhux sew li dan il-każ jindifen meta l-ħajja tal-akkużati twaqqfet kompletament. Il-verità hi li meta jkollok akkużi ta’ ħasil ta’ flus, ħadd mhux se jimpjegak u ħadd ma jkun irid ikollu x’jaqsam miegħek,” kompla Filetti.

Qal li f’dan il-każ diġà ġew ippreżentati 200 kaxxa ta’ evidenza u għadd ta’ hard disks.

“Bir-rispett kollu, jekk l-evidenza mhijiex inkluża fihom, allura hemm problema u dubji serji dwar l-investigazzjoni li saret,” kompla jisħaq.

Innota kif l-ebda uffiċjal ieħor tal-każ ma tressaq il-Qorti dwar dawn l-istess allegazzjonijiet. 

Qal li l-akkużata għandha kull dritt issir taf għaliex infetħu proċeduri kontriha biss u dan meta l-inkjesta maġisterjali ssemmi għadd ta’ persuni oħra li għandhom jiffaċċjaw akkużi kriminali. Fakkar kif din l-inkjesta swiet lill-pajjiż €7.5 miljun.

Il-każ ikompli għada.

More in Politika