'B’Victoria Buttigieg bħala Avukat Ġenerali għaddejna minn ġot-taġen għal ġon-nar... Irriżenja!'

Carmel Cacopardo jgħid li wasal iż-żmien illi l-Parlament ineħħi lill-Avukat Ġenerali u 'minflok jaħtar lil xi ħaddieħor li ma jħammrilniex wiċċna'

Il-Partit tal-Ħodor, l-ADPD, fil-Belt Valletta talab ukoll għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, bid-Deputat Chairperson Sandra Gauci tinsisti li "jekk ma tirreżenjax minn jeddha għandu jneħħiha l-Gvern."

L-appell tal-ADPD jingħaqad ma' oħrajn simili minn Repubblika, Occupy Justice, il-Malta Police Union u anke tal-Partit Nazzjonalista.

Gauci emfasizzat li meta l-Avukat Ġenerali kien Peter Grech, "ħa nagħsa twila" b’mod li Malta kienet l-unika pajjiż li, "mhux biss ma ħax passi dwar il-Panama Papers imma ukoll ta ċans lill-kriminali jnaddfu s-servers tagħhom mill-evidenza kriminali tal-ħasil ta’ flus." Intant, skont Gauci, "b’Victoria Buttigieg bħala Avukat Ġenerali għaddejna minn ġot-taġen għal ġon-nar."

Hija tkellmet dwar kif matul l-aħħar ġimgħa l-Uffiċċju tal-Avukat Generali kien fuq l-aħbarijiet "għar-raġunijiet il-ħżiena" meta l-prosekuzzjoni imexxija mill-istess Uffiċċju naqqset li tesibixxi dokumentazzjoni kompluta dwar Mandat ta’ Arrest Ewropew li fil-fatt wassal għall-kollass ta’ proċeduri ta’ estradizzjoni kontra raġel imfittex fl-Italja b’rabta ma' traffikar ta' droga.  

"L-Avukat Ġenerali kienet ukoll responsabbli biex kriminal jitnaqqsulu akkużi ta’ attentat ta’ qtil ta’ membri tal-korp tal-Pulizija biex weħel sentenza ta’ priġunerija mnaqqsa bil-kundizzjoni li jixhed u jikxef lil kull min kien involut fil-holdup tal-HSBC tal-2010. Imma dan spiċċa xorta ma xehed xejn u għadu jgawdi mis-sentenza ta’ priġunerija imnaqqsa," kompliet tgħid Gauci.

Dwar dan il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ma' Neville Mercieca, s-Segretarju tal-Malta Police Union, li fuq l-istess ħsieb ta' Gauci wkoll kien talab għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali f'isem l-unjin. Huwa kien insista mal-ILLUM li "t-Topo seta’ kixef il-Parlament kollu għax xorta ma kontx nwaqqa’ akkuża ta’ attentat ta’ qtil."

Kien ic-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo li temm il-konferenza jgħid li Buttigieg mhux biss ma irriżenjatx minn Avukat Ġenerali "imma baqgħet għaddejja minn froġa għall-oħra. Hu l-waqt li jintervjeni l-Parlament biex ineħħiha u minflok jaħtar lil xi ħaddieħor li ma jħammrilniex wiċċna."

More in Politika