Cassola jgħid li Muscat fil-Premier League huwa biss skuża għal aktar bini u kummerċjalizzazzjoni

Il-kandidat indipendenti nnota kif is-seba' klabbs li appoġġjaw lil Muscat kollha huma mmexxija min-nies jew huma viċin nies b'interess qawwi fil-bini jew fil-kummerċjalizzazzjoni

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola saħaq li l-ħatra ta' Joseph Muscat bħala Chairman tal-Malta Professional Football Clubs Association (MPFCA), hija biss skuża għal bini u aktar kummerċjalizzazzjoni, din id-darba tal-grawnds tal-futbol Malti.

Fi stqarrija. Cassola nnota kif is-seba' klabbs li appoġġjaw lil Muscat kollha huma mmexxija min-nies jew huma viċin nies b'interess qawwi fil-bini jew fil-kummerċjalizzazzjoni

 "Jekk wieħed iħares lejn is-seba’ klabbs li vvutaw favur l-eks Prim Ministru Malti ddisgrazzjat internazzjonalment, jinduna li l-Presidenti jew nies oħra assoċjati ma’ dawn il-klabbs għandhom interess qawwi fl-industrija tal-bini (Ħamrun, Gżira, Mosta) fil-catering (Marsaxlokk, Sirens), huma kaptani tal-industrija (Il-Hibs, qrib ukoll ta’ Konrad Mizzi) jew b’interessi varji fil-business (Floriana)," qal Cassola.

Innota li t-tieni punt fil-programm ta' Muscat jgħid ċar u tond: "Niġġeneraw aktar negozju u dħul indipendenti". 

Fl-elezzjoni tal-bieraħ, kienu l-Hibs, il-Ħamrun, il-Floriana, is-Sirens, il-Mosta, Marsaxlokk u l-Gżira li vvutaw favur Muscat.

Il-Gudja, Santa Luċija, Birkirkara u Valletta vvutaw kontra u l-Pietà, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Balzan astjenew.

"Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li fil-passat riċenti Gżira, Ħamrun, Marsaxlokk u Floriana kollha ppreżentaw mega proġetti ta’ żvilupp kummerċjali għall-grounds tal-futbol tagħhom. Floriana kienu għamlu dan permezz tal-eks President Gauci, u Diane Izzo ta’ Dizz, li tant hi qrib ta’ Joseph u Michelle Muscat. Sirens u Mosta ddikjaraw ukoll li jridu jikkumerċjalizzaw il-faċilitajiet sportivi tagħhom," qal Cassola.

Kompla jgħid li permezz ta’ Joseph Muscat, dawn il-klabbs qed jittamaw li jkunu jistgħu jidħlu "f’ferneżija ta’ bini u ta’ attività kummerċjali." 

"Sfortunatament, ma rrealizzawx li jekk ikollhom bħala l-frontman tagħhom lil Joseph Muscat, protettur bil-provi ta’ politiċi kriminali u ta’ allegat assassin, mhux biss se jħammġu l-immaġni tal-futbol Malti iżda se jkomplu jfakkru lill-bqija tad-dinja fir-reputazzjoni ħażina li Malta bniet internazzjonalment taħt Joseph Muscat," kompla Cassola.

Insista li dawk li jħobbu l-futbol Malti u lil Malta nnifisha jridu jingħaqdu biex juru lil kulħadd li l-maġġoranza tal-pajjiż mhijiex immexxija mir- regħba għall-flus u l-poter imma minn standards etiċi u morali għoljin.

More in Politika