L-IGM jgħid li 'l-iżball' li sar mill-AĠ jikkonferma li l-ġurnalisti mhumiex imħarsa mill-istituzzjonijiet

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li qed jistenna lil-Uffiċċju l-Avukat Ġenerali jerfa’ r-responsabbiltà 'għal dan il-fjask'

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li 'l-iżball’ li sar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-każ kontra żewġ avukati ta' Yorgen Fenech li allegatament ippruvaw ixaħħmu lill-ġurnalist Ivan Martin, hu każ ieħor fejn il-ġurnalisti mhumiex iħarsa mill-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jipproteġu lilhom u kull ċittadin ieħor.

Fi stqarrija, l-IĠM qalet li minflok waqaf mal-ġurnalist, l-Avukat Ġenerali għamel żball fl-akkuża li ressaq u hekk wassal biex il-Maġistrat ma kellix triq oħra ħlief li teħles lill-avukati mill-akkużi kontrihom.

"Ta’ min jinnota li l-Maġistrat għamlitha ċara li l-ġurnalist irrifjuta l-flus offruti lilu mill-avukati u fl- ebda ħin il-prosekuzzjoni ma kienet se tixli lil Ivan Martin b’korruzzjoni. Anzi, Martin qeda dmiru u b’responsabbiltà mhux biss irrifjuta l-offerta ta’ flus imma irrapporta l-każ li wassal biex il-pulizija jressqu liż-żewġ avukati," kompliet l-IĠM.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex ikompli jissieltu għall-verità permezz tal-istejjer tagħhom u minkejja "l-gambetti li jiffaċċjaw" mill-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.

L-IĠM qal li qed jistenna li l-AĠ jerfa’ r-responsabbiltà "għal dan il-fjask," u jittama li dan ma kienx intenzjonat.

Aqra wkoll:

'Dawn mhumiex żbalji' - Repubblika ssejjaħ mill-ġdid għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali

More in Politika