'Għandu jkollna servizzi finanzjarji li joħorġu l-biljuni mfaddlin biex dawn imorru għal proġetti ħodor u sostenibbli'

L-Analista Finanzjarju Steve Ellul jitkellem mal-gazzetta ILLUM dwar il-ħruġ ta' Malta mil-Lista l-Griża tal-FATF u kif din tista' tinbidel f'opportunità għal qalba ekonomika iktar ħadra... 

"Hemm bżonn li l-GreyListing u r-riformi li saru jintużaw biex jinbidel il-mudell tas-settur finanzjarju tagħna. Aħna għandna €24 biljun imfaddlin f'kontijiet. Għandna naraw li jkollna servizzi finanzjarji li jgħinu għal qalba lejn ekonomija sostenibbli, billi l-kapital imfaddal imur għal proġetti iktar ħodor."  

Hekk sostna l-analista finanzjarju u opinjonista Steve Ellul f'kummenti ma' din il-gazzetta li trattaw il-ħruġ ta' pajjiżna mil-Lista l-Griża tal-FATF. Huwa qal illi Malta għandha tieħu din l-opportunità biex tiddiversifika l-mod kif jaħdem dan is-settur li jfakkar illi fis-snin 90 kien ħa imbutattura 'l quddiem billi Malta bdiet toffri rati baxxi ta' taxxa.  

Huwa fakkar li dan illum qed ikun sfidat fuq bażi internazzjonali u anke ewropea u anke bil-proposta ta' rata minima ta' 15% taxxa (Corporate Tax).  

"Issa li ħdimna biex għamilna dawn ir-riformi hemm bżonn inħarsu lejn il-bżonn li dan is-settur jitratta kumpaniji li jaħdmu b'mod aktar sostenibbli... biex insiru hub ta' investiment aħdar," sostna Ellul mal-gazzetta ILLUM 

Fuq dan il-punt huwa temm ifakkar li dan it-tip ta' investiment ikun jista', minn naħa l-oħra, jiffinanzja il-qalba ekonomika, lejn ekonomija iktar ħadra, sostenibbli u klimatikament newtrali.  

'Mhux qed issir kampanja biex inxandru l-messaġġ li ħriġna mil-Lista' 

Steve Ellul appella sabiex il-Gvern flimkien mas-settur bankarju, jibdew kampanja strateġika ta' komunikazzjoni biex il-Gvern "ixandar il-fatt li Malta ħarġet mil-Lista l-Griża u li għandha ċertifikat ta' mertu għar-riformi li saru. Sfortunatament sa issa mhux nara li din qed issir."  

Ellul kompla jgħid illi l-ħidma u l-komunikazzjoni dwar il-fatt li Malta ma baqgħetx f'din il-lista għandha tkun b'saħħitha daqs kemm kienet il-komunikattva li Malta spiċċat f'din il-lista. Huwa jgħid illi l-fatt li Malta spiċċat f'din il-lista u li dan il-fatt ixxandar daqstant għamel ħsara reputazzjonali kbira.  

Għalhekk Ellul jisħaq ukoll illi l-ambaxxati Maltin għandhom ukoll ikunu parti kruċjali minn din il-kampanja.  

'Qabel l-FATF, aħna konna diġà taħt skrutinju mill-Moneyval' 

Intant mistoqsi dwar l-effett tal-fatt li spiċċajna fuq il-Lista l-Griża huwa qal li ma jaqbilx mal-impressjoni jew l-argument li s-settur finanzjarju ma ġiex affetwat b'mod negattiv. "Tinsiex illi qabel Malta spiċċat fuq il-Lista l-Griża kienet taħt l-iskrutinju, għal diversi xhur, tal-Moneyval, li jfisser illi Malta kienet ilha de facto fil-lista l-Griża," sostna Ellul.  

Huwa qal illi dak li ma seħħx kien id-diżastru li kien hemm min bassar li se jseħħ, b'nixfa assoluta fl-investiment barrani u l-għeluq ta' ħafna kumpaniji fl-igaming. "Imma effetti kien hemm u dan stajna narawh meta bank lokali - kif kien irrappurtat fil-fatt fuq il-midja lokali - kellu problemi ma' correspondent banks barranin."  

Ellul fakkar ukoll kif fl-aħħar xhur rajna l-proċess biex sempliċiment tiftaħ kont bankarju jsir ħafna iktar riġidu milli kien qabel.  

"Minkejja dan," ikompli jgħid, "l-investiment barrani s-sena l-oħra żdied bi kważi 4%."  

Mistoqsi kif jinterpreta dan il-fatt, flimkien mal-fatt li l-operaturi fl-oqsma tal-gaming u settur finanzjarju  ma telqux minn pajjiżna, Ellul qal illi l-Gvern wera' mill-ewwel element ta' serjetà u konvinzjoni li n-nuqqasijiet ikunu indirizzati kemm jista' jkun malajr.  

Fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma illi l-proċess biex Malta ħarġet mil-Lista l-Griża kien wieħed mill-aktar spedit, fost l-iqsar mill-proċessi kollha simili li saru. Xi ħaġa li Abela attribwixxa għall-fatt li l-Gvern Malti kien ilu li beda jaħdem fuq ir-riformi fil-qasam finanzjarju, minn meta kien qed isir l-iskrutinju mill-Moneyval.  

'It-tnaqqis tas-servizzi bankarji fil-komunità mhux xi ħaġa ta' Malta biss!' 

Finalment il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Ellul jekk it-tnaqqis fis-servizzi komunitarji bankarji - bħall-għeluq ta' ċerta fergħat tal-banek u anke servizzi, bħal tal-ATM li ma jaħdmux, humiex sintomatiċi ta' deċiżjonijiet meħudin minħabba li Malta kienet fil-Lista l-Griża.  

Ellul qal li dan żgur mhux il-każ, imma li t-tnaqqis fis-servizzi fil-komunità hija, "sintomatika fl-Ewropa kollha."  

Huwa ddeskriva bħala "żball" dak li ċerta banek lokali naqqsu minn dan is-servizz, speċjalment fid-dawl tar-realtajiet demografiċi tal-pajjiż, b'ħafna anzjani li xorta jkollhom bżonn jużaw is-servizzi fil-fergħat.  

Huwa qal illi hu żball ukoll li l-banek - skont hu -  qed jitrattaw lil kulħadd l-istess. "Mela inti xi pensjonant li jiġi jsarraf ċekk ta' €500, tal-pensjoni, għandu jkun trattat bħal kwalunkwe persuna oħra li qed issarraf ċekk kwalunkwe?"  

Huwa qal li ma jemminx li l-għeluq ta' numru ta' fergħat kien se jwassal biex jonqos għat-telf operazzjonali, li jattribwixxi għal deċiżjonijiet żbaljati.  

More in Politika