'Is-sanzjonijiet huma għodda importanti iżda rridu nindirizzaw l-impatt tagħhom' - Abela

Il-Prim Ministru jattendi għal-Laqgħa bejn il-Mexxejja Ewropej u tal-Balkani tal-Punent, Kunsill Ewropew u Euro Summit

Il-PM Abela waqt il-Kunsill
Il-PM Abela waqt il-Kunsill

Matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa f’laqgħa bejn il-Mexxejja Ewropej u dawk tal-Balkani tal-Punent, laqgħa tal-Kunsill Ewropew u Euro Summit.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, it-tkabbir u l-futur tal-Ewropa u kwistjonijiet ekonomiċi.

Il-Mexxejja Ewropej qablu li l-Ukrajna u l-Moldova jingħataw status ta’ kandidat fuq numru ta’ kundizzjonijiet, wara l-applikazzjoni tagħhom għas-sħubija tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Ġorġja tingħata dan l-istatus malli tilħaq ċertu kriterji elenkati mill-Kummissjoni Ewropea.

war l-Ukrajna l-Prim Ministru saħaq li Malta tibqa’ mħassba bis-sitwazzjoni u se tibqa’ tagħmel il-parti tagħha fil-kawża umanitarja. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tisma’ u tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tagħha li qed jintlaqtu ta’ kuljum mill-effetti ta’ dan il-kunflitt.

“Is-sanzjonijiet huma għodda importanti u effettivi iżda rridu nindirizzaw is-sostennibiltà u l-impatt tagħhom,” irrimarka l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru semma effetti oħra tal-gwerra fl-Ukrajna, fejn f’pajjiżi fin-Nofsinhar, bħal fl-Afrika, jeżisti r-riskju ta’ persuni jmutu bil-ġuħ u instabilità politika. Fakkar li dawn ilkoll fatturi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-immigrazzjoni irregolari.

Kien għalhekk li f’dan il-kuntest aċċenna fuq il-ħtieġa li l-Mexxejja Ewropej flimkien jindirizzaw l-effetti globali tat-tensjoni fil-Lvant tal-Ewropa, b’azzjonijiet strateġiċi favur is-sigurtà tal-ikel f’ċertu reġjuni.

More in Politika