L-ebda tiġrija għall-Viċi Kap tal-PN hekk kif jitfa' ismu Perici Calascione biss

Dan minkejja illi fl-aħħar ġimgħat kienu qed jissemmew b'saħħa numru ta' nisa, hekk kif kien mifhum li Grech xtaq illi jkollu mara bħala Viċi Kap tal-PN u xi ħadd li huwa x ftit jew wisq differenti mill-isfond tiegħu

Alex Perici Calascione
Alex Perici Calascione

Bħal ma ġara fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN, meta kandidat kien hemm wieħed biss - Bernard Grech - l-istess se jiġri fil-każ tal-Viċi Kap hekk kif kienet persuna waħda biss li tefgħet isimha għal din il-kariga: Alex Perici Calascione. 

Dan minkejja illi fl-aħħar ġimgħat kienu qed jissemmew b'saħħa numru ta' nisa, hekk kif kien mifhum li Grech xtaq illi jkollu mara bħala Viċi Kap tal-PN u xi ħadd li huwa x ftit jew wisq differenti mill-isfond tiegħu. Fil-fatt kienu qed jissemmew Rebekkah Cilia, u aktar riċenti Janice Chetcuti u Graziella Galea.

Calascione - avukat ukoll - kellu diġà karigi oħrajn fil-PN, fosthom dak ta' teżorier u kien ukoll kandidat fl-elezzjoni għal Kap ġdid fl-2017, meta kien skwalifikat fl-ewwel rawnd flimkien  ma' Frank Portelli. Huwa kien ukoll President tal-Eżekuttiv tal-PN, fiż-żmien meta t-tmexxija ta' Adrian Delia kienet qed tiġi sfidata mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. 

Aktar tard illum il-Kummissjoni Elettorali se titlob lill-Kummissjoni Kandidati biex  tibda minnufih il-proċess li jmiss: dak ta' due diligence.

Wara li l-Kummissjoni Kandidati tikkonkludi x-xogħol tagħha, il-Kummissjoni Elettorali tiftaħ il-proċess għan-nomina uffiċjali għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

 

More in Politika