'It-tneħħija ta' Malta mil-Lista l-Griża turi li aħna ġurisdizzjoni serja, li se tibqa' twettaq ir-riformi'

Malta uffiċjalment titneħħa mil-Lista l-Griża tal-FATF u tiġi mfaħħra tal-progress li għamlet, filwaqt li tkun inkoraġġita tkompli bil-momentum li qabdet...

Il-PM Abela jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet f'Kastilja
Il-PM Abela jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet f'Kastilja

L-FATF uffiċjalment neħħiet lil Malta mill-Lista l-Griża, u faħħret lil pajjiżna għall-progress sinjifikanti li għamlet Malta fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. 

"Malta għalhekk mhux se tibqa' taħt il-proċess ta' moniteraġġ tal-FATF," tħabbar illum. "Malta issa tinsab ippożizzjonata ħafna aħjar milli kienet sabiex titratta u tiġġieled il-ħasil tal-flus. Dan ma jfissirx li ma hemmx aktar xogħol xi jsir... Malta għandha tieħu l-vantaġġ tal-momentum li qabdet u tkompli ttejjeb," qal Marcus Pleyer mill-FATF. 

Dan fil-fatt jiġi wara vot sigriet jumejn ilu li ra lil Malta titneħħa minn din il-lista, aħbar li ntlaqgħet tajjeb minn diversi fosthom il-PN, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, l-MDA, l-MEA u diversi assoċjazzjonijiet oħrajn. 

'Qatt aktar ma għandna nerġgħu nispiċċaw f'lista bħal din' - Il-Prim Ministru Robert Abela

Intant fl-ewwel kummenti tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela, waqt konferenza tal-Aħbarijiet f'Kastilja saħaq b'sodisfazzjon illi l-fatt li Malta tneħħiet mil-Lista l-Griża turi li pajjiżna huwa ġurisdizzjoni serja, li wettqet u se tibqa' twettaq ir-riformi. Abela fakkar li fl-aħħar 30 xahar saru tibdiliet bla preċedent, saru sforzi biex tiddaħħal kultura ta' impenn kontra kriminalità organizzata u se jibqa' jaċċenna għal ħidma kontra ħasil ta flus u finanzjament tat-terroriżmu.

Huwa fakkar li d-deċiżjoni tgħid li Malta wettqet il-pjan ta' azzjoni fi "12-il xahar biss", xi ħaġa li jgħid illi huwa rekord għax huwa l-iqsar żmien li fih pajjiż ħareġ  minn din il-lista. Abela qal ukoll li din hija xhieda illi r-riformi kienu diġà bdew qabel, sa minn Jannar 2020, "u sar hekk għax dawn riformi li verament nemmnu fihom."

"Din kienet sfida li dawwarniha f'turija ta' kemm aħna ġurisdizzjoni serja u infurmat li konna deskritti bħala storja ta' suċċess," sostna Abela li elenka l-ħidma li Malta kellha tagħmel biex titneħħa minn din il-lista, jiġifieri aktar ħidma kontra evażjoni tat-taxxa u fir-rigward ta' sidien (Ulitimate Beneficiary Owners) ta' kumpaniji.

"Ir-riżultat tal-lum huwa turija tal-integrità, il-ħila u serjetà ta' diversi entitjajiet u persuni," qal Abela li semma l-FIAU u l-Avukat Ġenerali, fost oħrajn, filwaqt li reġa' insista li dawn ir-riformi li saru juru kemm Malta hija determintata li jkollha standards ġodda. 

"Iva jiena wieħed minn dawk li nemmen li qatt ma kellna nidħlu fil-Lista l-Griża. Għalhekk malli sirt Prim Ministru tajt direzzjoni ċara biex nibdew nindirizzaw l-isfidi." 

Fuq l-ekonomija huwa qal li t-tkabbir ekonomiku fl-ewwel kwart tas-sena kien ta' kważi 8%, filwaqt li intlaħaq livell bla preċedent ta' impjiegi - inkluż żieda ta' 5% fis-settur finanzjarju u 4% aktar fis-settur tal-gaming. Is-servizzi finanzjarji, kibru b'4%, filwaqt li s-settur tal-gaming kiber b'9%. Huwa għamel referenza għal dawn iż-żewġ setturi għax kien mistenni li huma jintlaqgħu l-aktar bid-deċiżjoni tal-FATF li pajjiżna jitpoġġa fuq il-Lista l-Griża.

Huwa qal li l-Gvern se jassigura s-sostenibbilità tar-riformi u li "qatt aktar ma għandna nerġgħu nspiċċaw f'lista bħal din."

Il-bankiera u l-Kamra tal-Kummerċ sodisfatti...

Intant kif ġara f'dawn l-aħħar jumejn komplew deħlin reazzjonijiet pożittivi għal din l-aħbar minn assoċjazzjonijiet differenti. L-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin qalet illi dan huwa mument ta' min wieħed jirrikonoxxi "it-tentattiv sinjifikanti li sar mill-awtoritajiet u l-industrija tas-servizzi finanzjarji." 

Il-Kamra tal-Kummerċ ukoll innutat dan l-iżvilupp b'sodisfazzjon għalkemm qalet illi dan huwa l-ewwel pass. Fi stqarrija sostniet dwar l-importanza li l-pajjiż jibqa' jsib il-bilanċ meħtieġ biex jerġa' jkun fuq quddiem fis-settur tas-servizzi finanzjarji. 

X'ġara sena ilu? 

Malta kienet l-uniku pajjiż fl-UE fuq din il-lista, pass li l-FATF ħadet fit-23 ta' Ġunju 2021, sena ilu. Kienu l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, bil-vot tagħhom, ir-raġuni wara l-fatt li Malta spiċċat fuq il-lista l-griża. 

Id-deċiżjoni ttieħdet minkejja li Malta kienet għaddiet mit-test tal-Moneyval wara li daħlet fis-seħħ diversi rakkomandazzjonijiet li sarulha.

F'Marzu li għadda l-FATF irrikonoxxiet li pajjiżna kien lesta l-pjan kollu meħtieġ. L-istqarrija kienet spjegat kif minn Ġunju 2021, Malta wettqet diversi riformi wara li spiċċat fuq il-lista l-griża. Ewlenija fost dawn tinnota r-riforma biex ikun żgurat li l-informazzjoni dwar ‘beneficial owners’ tkun korretta u li jittieħdu l-passi kollha neċessarji u effettivi jekk ikun magħruf li xi informazzjoni kienet qarrieqa jew mhux korretta.

Apparti minn hekk, faħħar l-impenn ta’ Malta li ssaħħaħ l-appoġġ lil dawk l-awtoritajiet li xogħolhom huwa li jinvestigaw każi ta’ ħasil ta’ flus. Faħħret il-fatt li Malta trid li tkompli ssaħħaħ ir-responsabbilittajiet tal-Kummissarju għat-Taxxi u anke l-FIU (Financial Intelligence Unit).

Fl-aħħar nett, l-FATF kienet faħħret ukoll l-impenn tal-Gvern Malti li jsaħħaħ l-analiżi tal-FIU bil-għan li dan jipprovdi biżżejjed informazzjoni lill-entitajiet li jinfurzaw il-liġi biex jinvestigaw każi ta’ evażjoni tat-taxxa, fost oħrajn.

Intant fl-istess Plenarja l-FATF poġġiet lill-Ġibiltà fil-Lista l-Griża. 

More in Politika