Camilleri jiftaħ każ kostituzzjonali biex jisħaq li ġie ddiskriminat għax jikkritika lill-Gvern

Ir-riċensjoni lill-gazzetta ILLUM tintbagħat direttament mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-gazzetta fl-ebda ħin ma tistaqsi jew inkella titlob li tingħata riċensjoni fuq xi ktieb partikolari. L-għażla hija totalment f'idejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

L-awtur Mark Camilleri fetaħ Każ Kostituzzjonali kontra l-Avukat tal-Istat u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għax qed jisħaq li ġie ddiskriminat minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu tant li spiċċa biex tneħħa minn Chairperson tal-istess Kunsill.

Camilleri qed jgħid li ġie ddiskriminat ukoll meta l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb irrifjuta li jippromwovi l-ktieb tiegħu A Rent Seeker’s Paradise minħabba raġunijiet politiċi u l-kritika li hu jagħmel fih kontra l-Gvern u l-Partit Laburista.

Mark Camilleri kisiriha minn mal-Partit Laburista u kien kritiku kemm ta’ Joseph Muscat u anke ta’ Robert Abela u spiċċa biex sar wieħed mill-aktar persuni li jikkritika b’mod voċiferu lill-Gvern.

Fil-każ li fetaħ quddiem l-ogħla Qorti, Camilleri qed jisħaq li hu tneħħa minn Chairperson wara li beda jikkritika lill-amministrazzjoni Laburista.

Dwar il-ktieb, Camilleri qal li kien talab bi dritt is-servizz offrut mill-istess Kunsill biex dwaru tkun tista’ ssir riċensjoni li tkun ippubblikata kull nhar ta’ Ħadd fuq il-gazzetta ILLUM. Minkejja dan, Camilleri qed jisħaq li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ma laqax din it-talba.

Skont l-eks Chairperson, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb irrifjuta dan minħabba li l-ktieb jinvolvi kritika kontra l-Gvern.

Fl-applikazzjoni tiegħu, iffirmata mill-Avukat David Bonello, l-awtur jagħmilha ċara li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kien twaqqaf biex jippromwovi l-kotba u jirrappreżenta l-interessi tal-awturi u l-pubblikaturi. 

Għalhekk qed jinsisti li meta l-Kunsill rrifjuta li jippromwovi dan il-ktieb, kien qed imur kontra l-għanijiet prinċipali tiegħu u kien qed jitratta lil Camilleri differenti minn awturi oħra.

Camilleri qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li nkissru d-drittijiet fundamentali tiegħu u li kien suġġett ta’ diskriminazzjoni politika.

Nota Editorjali: Ir-riċensjoni lill-gazzetta ILLUM tintbagħat direttament mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-gazzetta fl-ebda ħin ma tistaqsi jew inkella titlob li tingħata jew ma tingħatax riċensjoni fuq xi ktieb partikolari. L-għażla hija totalment f'idejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

More in Politika