Il-Pulizija ordnata tfittex imejl li tista' tikkonferma safra bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech

Illum kompla jinstema' l-libell  li fetħet id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar kontra Mark Camilleri

Rosianne Cutajar
Rosianne Cutajar

Il-Qorti li qed tisma’ l-libell li fetħet id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar kontra Mark Camilleri, ordnat lill-investigatur ewlieni fil-każ ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex ifittex fl-evidenza tal-każ għal imejl li tikkonferma vjaġġ li jinvolvi lill-istess Fenech u lil Cutajar.

Minkejja dan, il-Qorti ma laqgħetx it-talba ta’ Camilleri biex tordna li jiġu eżebiti ċ-chats bejn Yorgen Fenech u d-Deputata, liema chats inġabbru bħala parti mill-investigazzjoni fil-konfront ta’ Fenech.

L-Avukat li qed jippreżenta lil Cutajar tella’ jixhed lis-Supretendent Keith Arnaud, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni fil-każ kontra Fenech. Madanakollu il-Qorti saħqet li Arnaud ma jistax jintalab jixhed dwar evidenza ta’ proċeduri kriminali.

Arnaud kien mistoqsi jekk għandux fil-pussess tiegħu imejls dwar lukanda f’Pariġi li kienet ibbukjata minn fuq Xpedia.

“Jiena ħarist biss lejn l-informazzjoni relatata mal-qtil,” qal is-Supretendent. 

Mistoqsi jekk kienx hemm xi ħadd li kien inkarigat milli jagħżel liema informazzjoni tittieħed, Arnaud qal li ma jafx min kellu dan l-inkarigu.

Qal biss li huwa ta’ struzzjonijiet lit-tim tiegħu biex ifittxu biss dik l-informazzjoni li hija relevanti.

Kien hawn li l-Maġistrat ordna lil Arnaud biex ifittex din l-informazzjoni.

Camilleri kien mistenni jixhed illum imma l-Qorti kienet tal-opinjoni li dan iseħħ fis-seduta li jmiss biex id-Difiża tkun laħqet ġabbret u ppreżentat l-evidenza kollha.

Il-każ ikompli f’Settembru.

More in Politika