'Definittivament aħbar tajba għal Malta' - L-MEA tappella biex jinżamm il-momentum li wassal għal ħruġ mill-Lista l-Griża

L-Assoċjazzjoni qalet illi tistenna li għalissa n-negozji bbażati hawn xorta se jibqgħu jbatu mir-riperkussjonijiet reputazzjonali tal-greylisting

L-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) laqgħet b'sodisfazzjon it-tneħħija ta' Malta mill-Lista l-Griża - xi ħaġa indikata minn sorsi differenti lil dan is-sit u siti oħrajn wara vot li ttieħed ilbieraħ. 

Il-komunikat uffiċjali mistenni jingħata għada l-Ġimgħa mill-FATF.

L-Assoċjazzjoni iddeskriviet dan bħala "definittvament aħbar tajba għal Malta" u appellat biex jibqa' jkun hawn ir-rieda politika b'saħħitha miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex tkun imħarsa r-reputazzjoni ta' Malta f'kull livell." L-Assoċjazzjoni qalet illi tistenna li għalissa n-negozji bbażati hawn xorta se jibqgħu jbatu mir-riperkussjonijiet reputazzjonali tal-greylisting u għalhekk qed tappella sabiex ikun hemm ħidma bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex "Malta terġa' tkun stabbilita bħala ġurisdizzjoni ta' min jafdaha fin-negozju, finanzi u investiment." 

L-MEA qalet li l-kollaborazzjoni hija neċessarja sabiex ikun assigurat illi r-riformi u l-implimentazzjoni ta' dak kollu li wassal biex pajjiżna ħareġ mil-lista l-griża għandu jsir parti mill-istandards ta' trasparenza u kontabilità tal-pajjiż. "Huwa importanti li nżommu l-momentum tal-aħħar sena sabiex ikunu miġġildin l-ħasil tal-flus u reati finanzjarji oħrajn, mingħajr ma tiżdied il-burokrazija fuq iċ-ċittadin u n-negozju onest." 

'Il-pajjiż għandu jkompli bil-pass ta' riformi li aċċelleraw fl-aħħar xhur' - Kamra tal-Kummerċ Għawdxija

Intant reazzjoni pożittiva ġiet ukoll mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija li sostniet ukolliżda li hemm bżonn illi l-moniteraġġ ikompli jsir filwaqt li l-pajjiż ikompli bil-pass tar-riformi, "li aċċelleraw fl-aħħar xhur." Il-Kamra tal-Kummerċ fakkret illi t-triq għadha twila sabiex Malta tpoġġi lilha nnifisha f'pożizzjoni ta' vantaġġ fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. 

"Minkejja dan, dan il-proċess wera' li fejn hemm il-kollaborazzjoni fuq kull livell u direzzjoni strateġika biex isiru r-riformi meħtieġa, Malta tista' verament tagħmel id-differenza. Li Malta tneħħiet mill-Lista l-Griża tal-FATF tfisser illi s-sinerpija bejn is-settur pubbliku u dan privat jista' jwassal biex Malta tilħaq l-għanijiet tagħha." 

 

More in Politika