Aġġornata: Grech jagħmel proposta fuq l-IVF imma Fearne jibagħtu jaqra l-liġi għax il-proposta diġà qiegħda hemm

Bernard Grech jipproponi li jkun hemm għażla bejn ittestjar ġenetiku fuq l-embrijun u fuq il-bajda iżda Fearne jgħid li din diġà qiegħda fil-liġi 

Artiklu 1.14B. Dak kien li beda d-diżgwid fil-Parlament. Illum waqt it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi tal-IVF u l-ittestjar ġenetiku, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ippropona li ġenituri li jagħmlu użu mill-IVF ikollhom l-għażla li jittestjaw għall-mard ġenetiku permezz tal-Polar Body Testing (PBT) jiġifieri l-ittestjar tal-bajda biss jew il-Preimplantation Genetic Testing (PGT-M). Jidher iżda li minkejja l-proposta biex ikun hemm emenda f'din il-liġi biex il-ġenituri jingħataw l-għażla, il-Ministru għas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, saħaq li fil-liġi din diġà qiegħda hemm. 

X'qal Bernard Grech?

Grech saħaq li l-PN dejjem kien favur il-ħajja u jrid jara li aktar koppji, kemm jista’ jkun u kemm jixtiequ, isiru ġenituri.

"Kien għalhekk li 10 snin ilu Gvern Nazzjonalista daħħal il-liġi tal-IVF. Kienet liġi li kellha numru ta’ limitazzjonijiet. 10 snin ilu konna wasalna sa hemm u maż-żmien din il-liġi tjiebet. Illum ghandna abbozz ta' ligi li nemmnu li se tkompli ttejjeb l-opportunità li l-ġenituri jkollhom it-tfal," qal Grech. 

Huwa għamel referenza għall-fatt li l-PN kien tkellem biex il-mediċina kollha għall-IVF tingħata b'xejn u dan wara li ġew infurmati li l-ġenituri kienu qed ikopru xi spejjeż huma stess. F'indirizz lin-naħa l-oħra tal-Kamra huwa saħaq li, "tridu tipprattikaw dak li tgħidu għax mhux aċċettabli li ġenituri jħallsu dik l-ispiża mbagħad tridu tagħtuhom refużjoni. Inutli li jkun hemm liġi tal-IVF jew ittejbu l-liġi, jekk il-ġenituri ma jistgħux ilħallsu għaliha. Oħorġu l-ħlas tal-mediċina mal-ewwel biex dawk il-koppji jew individwi ma jkollhomx problemi biex jaslu għaliha." 

Jgħid li filwaqt li jinsab kuntent bl-avvanz fit-teknoloġija u li persuni li għandhom problemi ta' infertilità se jkollhom ċans li jkollhom l-ulied, huwa saħaq li meta tkellem ma' ġenituri bi problemi simili, stqarru miegħu li jixtiequ li jingħataw l-għażla bejn il-PBT u l-PGT-M. 

"Jekk hemm għodod oħra li huma tajbin, li huma ta' suċċess, li huma wżati internazzjonalment u li diġà permissibli bil-liġi li għandna, għaliex din it-teknoloġija niskartawha u ma nikkunsidrawiex?" staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Grech jgħid li permezz tal-PBT, jista' jkun hemm dijanjosi fuq il-bajda u għalhekk jiġi evitat ittestjar fil-bidu tal-ħajja umana, jiġifieri fl-embrijun. Huwa saħaq li minn dawk id-disa' mard ġenetiċi li jittestjaw għalihom fil-PGT-M, tmienja minnhom faċilment jistgħu jiġu identifikati permezz tal-PBT u għaldaqstant mill-bajda tal-mara. Grech jisħaq li PBT hija ta' benefiċċju wkoll biex ma jkunx hemm 'stockpiling' ta' embrijuni li ġew iddijanjostikati b'marda ġenetika. 

"Nemmnu fil-ħajja u nemmnu li jekk hemm ċans li tinħoloq ħajja, aħna mhux se nċaħħdu lil dawn l-individwi minn din l-opportunità," temm jgħid Grech. 

X'inhi l-PGT-M? 

L-Awtorità Maltija responsabbli mill-embrijuni u l-IVF, b'konsultazzjoni mal-professjonisti, ħejjiet abbozz ta’ protokolli għad-dijanjosi preġenetika tal-embrijuni u ġie stabbilit tmien mard li jista’ jiġi identifikat għall-għażla tal-embrijuni. Dan ifisser li ġenituri prospettivi li jagħmlu użu mill-IVF, qabel l-impjantazzjoni fl-utru ikunu jistgħu jagħżlu jekk jaċċettawx embrijun b'mard ereditarju jew le. 

Dawn il-mard huma: 

  • Finnish Nephrotic Syndrome
  • Gangliosidosis
  • Huntigton Disease
  • Joubert Syndrome
  • Maple Syrup Urine Syndrome 
  • Spinal Muscular Atrophy
  • Tay-Sachs Disease
  • Walker Warburg Syndrome

70 koppja diġà ngħataw rifużjoni ta' flus li ħallsu għall-mediċini tal-IVF

Il-Ministru Fearne ikkonferma mal-gazzetta ILLUM wkoll li 70 koppja ngħataw rifużjoni tal-ispiża li ħallsu għall-mediċini u bejniethom dawn ħadu total ta' €111,324. Huwa saħaq li fl-aħħar snin li l-IVF kien qed isir f'pajjiżna l-ebda embrijun li ġew kiro-priservati (jiġifieri iffirżati) ma ntremew.  

Fearne saħaq mal-illum li 33 omm li qed tistenna tqala bħalissa mill-IVF, 25 li qed iġorru embrijun li kien iffriżat għal numru ta' ġimgħat jew xhur. 

More in Politika