Grech ma jikkumentax dwar dak li qal Giglio... jappella għal distinzjoni bejn il-politika u l-prattika privata

Is-sit illum.com.mt jibgħat numru ta' mistoqsijiet lill-PN wara l-kummenti ta' Joe Giglio dwar Maria Efimova: Bernard Grech jisħaq li l-PN għadu jrid li toħroġ il-verità kollha dwar Egrant

Bernard Grech irrifjuta li jikkumenta dwar dak li qal id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio dalgħodu meta ddeskriva lil Maria Efimova bħala "mara kattiva" u li "timmanipula" u sostna wkoll li hu għandu "riservi kbar" dwar il-kredibilità tagħha. Giglio kien l-avukat tal-bank Pilatus li fetaħ każ kontra Efimova, il-mara wara l-allegazzjoni li ppubblikat Daphne Caruana Galizia illi Egrant Inc kienet ta' Michelle Muscat. Minkejja li talbet għal Whistleblower status dan ma ngħatalhiex mill-Gvern, anke għax Inkjesta Maġisterjali kienet talbet li din tiġi akkużata bi frodi u li xerrdet kalunja. 

Dan is-sit staqsa dawn it-tliet mistoqsijiet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, speċajlment fid-dawl ta' elenku dejjem jikber ta' nies mill-PN u anke l-għaqdiet Republika u Occupy Justice li lkoll qed jikkundannaw lil Giglio. Fost il-kundanni pubbliċi hemm dik tad-Deputat Karol Aquilina.

1 -  It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista taqbel u tagħmel taghha l-kummenti tal-kelliem tal-Intern tal-PN dwar Maria Efimova - liema kummenti jimpattaw ħafna fuq l-allegazzjoni Egrant?

2 - Il-PN ma jħossx li kummenti minn Shadow Minister dwar klijenti tiegħu - speċjalment fuq każ daqstant jaħraq - meta jkun qed jitkellem fil-kapaċità tiegħu ta' Shadow Minister mhumiex f'lokhom?

3. Il-Kap tal-PN tkellem ma' Giglio mill-intervista lil hawn?

Il-PN iżda qal biss  - f'risposta qasira - li Bernard Grech jemmen li għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-professjoni privata u l-politika. Qal ukoll li l-PN għadu jemmen li jrid illi l-verità kollha dwar il-kwistjoni Egrant toħroġ. 

More in Politika