Il-Ministru Borg iwiegħed l-appoġġ kontinwu ta' Malta lil-Libja fuq bażi ewropea u internazzjonali

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali Libjana Najla M. El-Mangoush fi żjara f'Malta

Il-Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru Najla M. El-Mangoush
Il-Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru Najla M. El-Mangoush

“Iż-żjara tal-lum mill-Ministru Najla M. El-Mangoush hija waħda li tkompli tissimbolizza r-relazzjoni b’saħħitha li għandhom Malta u l-Libja u li se nkomplu naraw li tkompli tisaħħaħ f’kull qasa." Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza lill-mezzi tax-xandir wara laqgħa uffiċjali li kellu mall-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Libja Najla M. El-Mangoush.

Il-Ministru Ian Borg qal li Malta tħaddan valuri importanti fil-politika barranija Maltija, bħal dawk tal-kooperazzjoni, il-ħbiberija u l-parteċipazzjoni attiva. Dawn il-valuri wkoll kienu nnutati - kompla jgħid Borg -  fil-vot b’saħħtu li Malta rnexxielha tikseb ftit tal-jiem ilu biex mis-sena d-dieħla se tkun qed tifforma wkoll parti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Matul il-laqgħa bilaterali kienu diskussi bosta suġġetti li huma ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi, primarjament ir-reġjun tal-Mediterran, sabiex ikun żgurat li fih ikun hemm stabbiltà u sigurtà. Ġew diskussi suġġetti oħra importanti bħall-immigrazzjoni irregolari u anke t-traffikar uman.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti sostna li waqt il-laqgħa uffiċjali ġiet diskussa wkoll il-qagħda preżenti fil-Libja u kif Malta tista’ tagħti l-kontribut tagħha għal dan il-proċess ta’ stabbiltà. 

“Għal darb’oħra tennejt il-pożizzjoni ta’ Malta u ħeġġiġt lill-partijiet kollha sabiex joqogħdu lura milli jieħdu azzjonijiet li permezz tagħhom irażżnu l-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż. Nemmen li hemm bżonn biex mill-aktar fiss possibbli jkun hemm soluzzjoni politika permezz ta’ elezzjonijiet ġusti u inklussivi”.

Il-Ministru Borg qal li Malta se tibqa’ tmexxi ’l quddiem u tagħti l-appoġġ tagħha lil-Libja anke fuq bażi Ewropea u internazzjonali.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Libja Najla M. El-Mangoush qalet li din il-laqgħa kienet importanti għaliex setgħu jiġġeddu iktar ir-relazzjonijiet tajba u l-ħbiberija li l-Libja għandha ma’ Malta. Hija saħqet ukoll dwar is-sinjifikat tad-data tal-lum, il-11 ta’ Ġunju għaliex kien proprju f’din id-data fis-sena 1965 li timmarka l-anniversarju minn meta bdew ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.

More in Politika