Aġġornata | 'Illum il-PN pubblikament iddefenda bank korrott u l-uffiċjali korrotti tiegħu'

Repubblika takkuża lil Joe Giglio illi qed jitradixxi l-funzjoni demokratika tiegħu, Karol Aquilina jgħid li insulta l-memorja ta' Daphne Caruana Galizia u Paul Borg Olivier jitlob lil Bernard Grech jikkundannah...

Jason Azzopardi
Jason Azzopardi

Kif mistenni l-kummenti tal-Kelliem għall-Intern tal-PN Joe Giglio dwar Maria Efimova qajmu rabja u kundanni minn nies fil-Partit Nazzjonalista stess, bil-kollega tiegħu u Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jisħaq illi meta dan ipprova jimmina l-kredibilità ta' Maria Efimova kien fir-realtà "mhux biss mill-aktar irresponsabbli, imma wkoll insult lejn il-memorja ta' ġurnalista kuraġġuża Daphne Caruana Galizia u l-attivisti li ġġieldu għall-ġustizzja." 

Ftit qabel Aquilina l-eks Deputat David Thake staqsa x'kien qed jaħseb id-Deputat Nazzjonalista meta qal li qal u sostna li dak li qal Joe Giglio mhuwiex f'ismu. Anke l-MEP Nazzjonalista David Casa ħalla kumment fuq Twitter u għalkemm ma għamilx referenza ċara għal kummenti tad-Deputat tal-PN, sostna illi dawk li ġġieldu għall-verità ġew insultati u redikolati għax baqgħu sodi quddiem dak li jemmnu. Imbagħad sostna li l-Bank Pilatus - il-klijent ta' Giglio - huwa simbolu tal-korruzzjoni u ħasil ta' flus. 

Saħansitra Andrew Borg Cardona tefa' tweet li fiha qal illi b'dawn il-kummenti huwa tilef kull interess dwar x'jaħseb u x'jagħmel il-PN. 

David Thake
David Thake

'Qabel il-kriminali Joe Giglio għandu jaqdi lir-repubblika ta’ Malta' - Repubblika

Pero' l-aktar kritika ħarxa ġiet mill-Għaqda Repubblika li saħansitra akkużat lil Giglio li qed jittradixxi l-irwol tiegħu ta' Deputat meta juża l-pożizzjoni tiegħu biex jitkellem f'isem jew favur il-klijenti tiegħu stess. "Meta jirrappreżenta lill-klijenti tiegħu fil-Qorti, Joe Giglio jagħmel xogħlu billi jpinġi lill-kriminali bħala anġli. Meta juża l-kredenzjali tiegħu ta’ Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni ma jkollux biss kunflitt ta' interess. Ikun qed jitradixxi l-funzjoni demokratika tiegħu."

Repubblika qalet ukoll illi l-fehma ta’ Joe Giglio dwar Maria Efimova jafuha mill-fatt li f’isem il-klijenti tiegħu "ra kif ippersegwitaha fil-Qorti sakemm instab li dak li qalet -  li ma tħallsitx mill-klijenti tiegħu - kien vera u kellhom iħallsuha wara l-azzjoni li ħadet. Il-klijenti ta’ Joe Giglio – is-sid u d-diretturi ta’ Pilatus Bank – jaqblilhom li tinqered il-kredibiltà tal-whistleblower li kixfithom daqs kemm jaqbel lil kull min kixfet x’kien qed iħawwad fil-Pilatus Bank," kompliet tisħaq din l-istqarrija akkużatorja kontra d-Deputat u Kelliem tal-PN. 

"Jekk Joe Giglio ma jridx “jaħli ħin” magħna u mas-soċjetà ċivili jiddandan bil-kredenzjali demokratiċi dubjużi ta’ ħafna politiċi li jaħsbu li għax l-elettorat fdahom temporanjament bil-poter għalihom kulħadd sar dubbien. Aħna se nibqgħu “naħlu” l-ħin tagħna ma’ Joe Giglio u mal-politiċi li jidħlu fil-ħajja pubblika biex jaqdu aħjar lill-klijenti privati, miljunarji u kriminali tagħhom."

"Bħala politiku tal-Partit Nazzjonalista, Parlamentari, u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern, qabel il-kriminali Joe Giglio għandu jaqdi lir-repubblika ta’ Malta u l-ewwel ‘il dawk minn niesha li jobdu l-liġi," ittemm tgħid l-istqarrija. 

 'Jum iswed fl-istorja ta’ partit bi storja glorjuża' - Jason Azzopardi

Intant iktar tard l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sostna illi wara dak li qal Giglio "ma hemmx tidwir mal-lewża. Illum il-PN pubblikament iddefenda Bank korrott u l-uffiċjali u Diretturi korrotti tiegħu."

Azzopardi qal illi l-PN mhux biss iddefenda lil dan il-bank iżda faħħar lill-Avukat Ġenerali wara li - skont hu - "għadhom ma obdewx l-ordni ta’ Magistrat Inkwirenti ta’ sena ilu biex id-Diretturi kollha tal-Pilatus Bank jitressqu ‘l Qorti fuq tixhim u korruzzjoni."

"Huwa jum iswed fl-istorja ta’ Partit bi storja glorjuża bħalma hu l-PN, meta llum jieħu n-naħa tal-korrotti u kriminali," temm jgħid Azzopardi li sejjaż dik tal-lum bħala "traġedja."

'Bernard Grech għandu jikkundanna lil Giglio' - Borg Olivier

Anke l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Paul Borg Olivier ħalla kumment iebes kontra Giglio illi fih ddeskriva lid-Deputat Nazzjonalista bħala "eks-difensur ta’ Pilatus, imħallas mid-diretturi ta’ Bank skreditat mill-awtoritajiet Ewropej u Maltin." Borg Olivier sostna illi hu jemmen lil Efimova li - skont hu - għaddiet minn persekuzzjoni.

Huwa wera' t-tama wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jikkundanna l-kummenti ta' Joe Giglio. 

Paul Borg Olivier
Paul Borg Olivier

 

 

More in Politika