Giglio jindika li hu ma jemminx lil Efimova 'għax hija mara li timmanipula l-verità'

Id-Deputat tal-PN u Kelliem għall-Intern jġib kważi fix-xejn il-kredibilità ta' Maria Efimova, is-sors ta' Daphne Caruana Galizia fl-akkuża li Egrant kienet ta' Michelle Muscat

Il-Kelliem tal-Intern tal-Partit Nazzjonalista Joe Giglio qal illi għandu "riservi serji" fuq il-kredibilità ta' Maria Efimova  - il-mara li akkużat lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat illi Egrant kienet tiegħu. Efimova fil-fatt kienet is-sors ewlieni ta' Daphne Caruana Galizia għal din l-istorja anke jekk hi kienet qalet li fil-fatt kellha sors ieħor. 

Huwa kien qed jiġi intervistat minn Andrew Azzopardi fuql-istazzjon Malta’s Heart meta qal dan dalgħodu, b'Giglio jirrakkonta kif hu kien qed jaħdem bħala avukat tal-Bank Pilatus . "Xi diretturi tal-Pilatus kienu kellmuni dwar impjegata (Efimova) li kienet akkużata illi serqet flus permezz ta' karta ta' kreditu. Il-Pilatus kien organizza vjaġġ ta' taħriġ fi Frankfurt u ta din il-karta ta' kreditu lil Efimova. Imma malli kienet waslet lura sabu kont ta' madwar €1,000." Huwa qal li wara rriżulta li hija kienet ħadet lill-familja tagħha magħħha u meta l-Bank - u allura dak iż-żmien il-klijent tiegħu - kien ikkonfrontaha, kienet akkużatu li ma ħallashiex il-paga.

Giglio kompla jgħid li hu jaf lil Efimova bħala "mara li timmanipula l-fatti... imma bqajt nittama li forsi fuq Egrant kienet qed tgħid il-verità," sostna. Huwa kompla jgħid li ma jemminx illi Efimova ma tridx tiġi Malta minħabba s-sigurtà tagħha u sostna illi għandha titħalla tixhed virtwalment fil-libell tal-eks PM Joseph Muscat fuq il-libell li kien fetaħ, wara l-akkuża li Egrant Inc. - kumpanija fil-Panama - kienet ta' Michelle Muscat. 

Wara l-akkużi fil-konfront ta' Muscat huwa reġa' qal illi kien jaf li "Efimova kienet mara kattiva li kienet kapaċi titfa' lilha nnifisha f'ċerti sitwazzjonijiet u dakinhar kont għidt illi jekk vera hemm dokumenti, ħadd ma jkun rahom ħlief hi."

Inkjesta Maġisterjali dwar l-allegazzjoni illi Egrant kienet ta' mart l-eks PM u li fiha kienu daħlu madwar $1 miljun minn kont fl-Ażerbajġan għall-kont ta' Egrant fil-Bank Pilatus, qatt ma kienu ppruvati. Iktar minn hekk tali inkjesta lanqas biss kienet sabet kont ta' Egrant f'dan il-bank, filwaqt illi l-famuż safe fil-kċina li fih suppost kien hemm id-dikjarazzjoni li Egrant kienet ta' Muscat, la nstab u skont l-inkjesta lanqas qatt ma kien hemm safe fil-kċina. Il-Maġistrat Aaron Bugeja (issa Imħallef) kien saħansitra qal li Maria Efimova kellha tiġi akkużata bi frodi u kalunja. 

Intant fost l-ewwel reazzjonijiet kien hemm dik tad-Deputat Karol Aquilina li indirettament akkuża lill-kollega tiegħu illi qed joffendi l-memorja ta' Daphne Caruana Galizia. Repubblika saħansitra akkużat lil Giglio li qed jitradixxi l-irwol tiegħu ta' Deputat, meta juża din il-kariga biex jitkellem favur il-klijenti tiegħu filwaqt li l-eks Deputat David Thake u l-MEP David Casa wkoll ħallew il-kummenti tagħhom.

More in Politika