Delia jgħid li ma kienx avviċinat u lanqas qed jikkunsidra li jikkontesta għal MEP

Dan wara li artiklu qal li Delia kien avviċinat minn membru tat-tmexxija tal-PN biex jiddiskuti miegħu l-possibbilità li jikkontesta l-elezzjoni tal-2024

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li qatt ma kkunsidra li joħroġ għall-elezzjoni li jmiss tal-Parlament Ewropew.

L-eks Kap Nazzjonalista qal dan fuq Facebook wara artiklu fuq The Times of Malta li qal li Delia qed jikkunsidra li joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir fl-2024.

Delia saħaq ukoll li ħadd mit-tmexxija tal-PN ma avviċinah biex jikkontesta din l-elezzjoni.

Skont The Times of Malta, sorsi mill-Partit Nazzjonalista qalu li Delia ġie avviċinat minn membru fit-tmexxija tal-PN biex jiddiskutu l-possibbilità li jikkontesta din l-elezzjoni.

Meta kkuntatjat mill-gazzetta, Delia ma weġibx iżda skont l-artiklu, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni ddiskuta din il-proposta ma’ dawk viċin tiegħu.

Delia serva bħala Kap tal-PN bejn l-2017 u l-2020 u spiċċa jsejjeħ elezzjoni għall-Kap li għaliha kkontesta hu stess, wara li tilef il-fiduċja tal-Grupp Parlamentari, fost oħrajn.

More in Politika