Minkejja d-dejn il-PN se jżomm l-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni

Ikkonferma dan is-Segretarju Ġenerali tal-PN waqt li saħaq li dawn se jkunu ristrutturati biex isiru kummerċjalment vijabbli

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iżomm l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni minkejja d-dejn kbir li jinsabu fih iżda mistennija jkunu ristrutturati.

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino waqt il-programm Xtra.

Mistoqsi jekk hux se jinżammu l-istazzjonijiet, Piccinino saħaq li ġaladarba ma hemmx garanzija ta’ imparzjalità fuq l-istazzjon nazzjonali, partit politiku għandu jkollu l-mezzi tiegħu biex iwassal il-messaġġ.

Minkejja dan insista li l-PN huwa kommess li jirristruttura l-midja u jagħmilhom kummerċjalment vijabbli.

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif il-PN għad għandu dejn ta’ aktar minn €30 miljun u dan ikkonfermah ukoll il-Kap Nazzjnalista Bernard Grech.

Kien dan li wassal biex żdiedu x-xniegħat li l-PN se jabbanduna l-istazzjonijiet tiegħu, xi ħaġa li ċaħad Piccinino kategorikament.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN insista li l-appoġġ li Bernard Grech ingħata mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jagħtih is-saħħa li jwettaq il-bidliet li hemm bżonn. 

More in Politika