Investigazzjoni interna fil-Korp biex ikun stabbilit għaliex Iosif Galea ma kienx arrestat f'Malta

Ikkonferma dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Beppe Fenech Adami

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal lill-Parlament li għaddejja investigazzjoni biex ikun magħruf għaliex Iosif Galea ma kienx arrestat f'Malta wara li nħareġ kontrih Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet Ġermaniżi sena ilu.

Galea, li huwa konsulent tal-Gaming u li kien jaħdem mal-Malta Gaming Authority, ġie arrestat fl-Italja, minħabba l-istess Mandat ta’ Arrest Ewropew hekk kif qed ikun imfittex fuq suspetti ta’ ħasil ta’ flus.

Żvelat l-arrest il-gazzetta Times of Malta li qalet ukoll kif mal-istess grupp ta’ rġiel li kienu msiefra, meta ġie arrestat Galea, kien hemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Camilleri qal li tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija u jinsab infurmat li qed issir investigazzjoni dwar dan il-każ. Insista li jekk jirriżulta li kien hemm nuqqas, se jittieħdu l-passi kollha meħtieġa.

Il-Ministru kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Beppe Fenech Adami dwar għaliex Galea ma kienx arrestat f’Malta.

Camilleri insista li bħala Ministru mhuwiex involut fl-investigazzjonijiet, iżda insista li mhux se jiddejjaq jieħu passi jekk jirriżulta li kien hemm xi nuqqas.

Tenna li għaddejja investigazzjoni interna fil-Korp iżda meta ppressat minn Fenech Adami u anke mid-Deputat Mark Anthony Sammut, Camilleri ma qalx min qed iwettaq l-investigazzjoni u min, eventwalment, se jkun qed jerfa’ r-responsabbilità.

Aqra aktar:

Cassola jitlob investigazzjoni fuq il-Kummissarju Angelo Gafà wara l-arrest ta' Iosif Galea

More in Politika