Cassola jitlob investigazzjoni fuq il-Kummissarju Angelo Gafà wara l-arrest ta' Iosif Galea

Galea kien arrestat l-Italja waqt li kien fuq btala minkejja li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ilhom sena li ħarġu Mandat ta' Arrest Ewwropew kontrih

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-Ombudsman biex jinvestiga lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u lill-Kap tal-Midja tal-Korp, Brandon Pisani dwar il-każ ta’ Iosif Galea.

Fl-imejl tiegħu lill-Ombudsman, Cassola saħaq li dawn kienu fil-pussess ta’ mandat Ewropew ta’ arrest fil-konfront tal-istess persuna, liema mandat inħareġ sena ilu mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

“Minkejja dan ma ħadu l-ebda azzjoni u ma arrestawhx. Mhux talli hekk, talli ħallewh jivjaġġa barra minn Malta għal bosta drabu,” saħaq Cassola.

Galea, li huwa konsulent tal-Gaming u li kien jaħdem mal-Malta Gaming Authority, ġie arrestat fl-Italja, minħabba l-istess Mandat ta’ Arrest Ewropew hekk kif qed ikun imfittex fuq suspetti ta’ ħasil ta’ flus.

Żvelat l-arrest il-gazzetta Times of Malta li qalet ukoll kif mal-istess grupp ta’ rġiel li kienu msiefra, meta ġie arrestat Galea, kien hemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Cassola saħaq li l-Pulizija żammet dan l-arrest mistur minkejja li Galea kien arrestat fi Brindisi, l-Italja fil-lejl ta' bejn l-14 u l-15 ta' Mejju.

Imbagħad, lagħbu logġba maħmuġa. Meta kienu jafu li Galea kien diġà taħt arrest l-Italja, ħarġu Mandat ta' Arrest Malti għal Galea, biex jagħtu l-impressjoni li Galea ġie arrestat minħabba l-mandat post-arrest tagħhom. Huma nqdew b'ġurnalist bona fide Malti biex ħargu l-aħbar  tal-mandat ta' arrest Malti fażull fis-27 ta' Mejju,” kompla jisħaq Cassola.

Huwa talab lill-Ombudsman jinvestiga għaliex Galea ma ġiex arrestat fl-aħħar sena u min ta l-ordni biex Galea mhux biss jibqa’ liberu imma jitħalla jsiefer.

Staqsa wkoll jekk kienx hemm xi pressjoni politika biex Galea a jkunx arrestat u għaliex l-aħbar tal-arrest inżammet mistura. 

“Din hija sitwazzjoni serja. Malta għandha bżon korp tal-pulizija li jipproteġi liċ-ċittadin kontra d-delinkwenti, u mhux viċi-versa,” saħaq Cassola.

More in Politika