Analiżi | Grech ikkonfermat: L-ewwel prijoritajiet biex il-PN jibda jagħlaq il-kapitlu tad-disfatti!

Issa Bernard Grech kien ikkonfermat Kap tal-Partit Nazzjonalista. Issa jibda x-xogħol vera u din id-darba Grech ma għandux skużi, għandu mandat! L-ILLUM titkellem dwar dawk li tara illi huma l-prijoritajiet ewlenin tiegħu biex jibda joħroġ lill-PN mis-snin tad-disfatti...

Issa Bernard Grech huwa kkonfermat bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Taqbel jew le, tajjeb jew ħażin, l-ogħla organu tal-PN tkellem u vvota sabiex il-partit ikollu l-istess Kap għall-ħames snin li ġejjin. 

Minn hawn allura tibda l-isfida ta' Grech. Mhux sfida faċli, pero' waħda li se jkollu jara kif se jkun qed jegħleb sabiex il-PN jieħu r-ruħ elettoralment u jibda verament inaqqas mis-saħħa tal-Partit Laburista, li ngħata mandat qawwi ħafna nhar is-26 ta' Marzu. 

Dawn huma, skont il-gazzetta ILLUM, l-erba' prijoritajiet li Grech jeħtieġ jaħdem fuqhom għaż-żmien li ġej. 

Oppożizzjoni li twassal il-kwistjonijiet tan-nies fil-Parlament

Wieħed ma jistax jgħid illi fl-aħħar snin kellna Oppożizzjoni rieqda jew li ma kinitx voċifera, iżda forsi kienet wisq voċifera - jew aħjar kważi esklussivament voċifera - fuq il-kwistjoni tas-saltna tad-dritt. Filwaqt li din u l-korruzzjoni u l-governanza, kif ukoll l-imġieba ta' ċerti Ministri, huma tassew materji importanti jibqa' fatt li mhumiex il-materji li dwarhom il-poplu l-aktar li jinkwieta u li eventwalment fuqhom jivvota. 

Għalhekk l-Oppożizzjoni trid tkun tassew vuċi tal-uġigħ tan-nies, iktar milli qatt kienet. 

Fuqhiex qed jinkwetaw in-nies bħalissa? Żgur li qed jinkwetaw fuq l-għoli tal-ħajja, l-għoli fil-prezzijiet tal-ikel u anke tal-mediċini, fost oħrajn. Lilhinn mit-tort, l-Oppożizzjoni għandha taħtaf din l-oppportunità biex kemm jista' jkun tressaq fuq l-aġenda Parlamentari din il-kwistjoni b'kull mezz possibbli, kif rajna lill-istess Oppożizzjoni tagħmel fuq materji ta' governanza. 

Forsi kemm għola l-ħobż, il-butir, iż-żejt, il-laħam u l-perżut ma titqiesx politika elevata, pero' żgur illi hija dik il-politika li dwarha n-nies iridu jisimgħu lill-politiċi jitkellmu. 

Pero' mhux biss. L-Oppożizzjoni għandha tuża l-ħin tagħha sabiex kemm jista' jkun tressaq abbozzi, liġijiet, proposti u diskussjoni dwar materji oħrajn li huma ta' interess, pero' li ftit nisimgħu diskussjoni dwarhom fil-Parlament: Drittijiet ta' missirijiet f'kawżi ta' separazzjoni, drittijiet tan-nanniet, drittijiet tal-konsumatur, is-servizzi mogħtija mill-banek lokali u l-ilmenti kontinwi dwar dan, il-burokrazija ta' ċerti dipartimenti, il-ħmieġ u tant aktar.

Fuq l-ambjent l-Oppożizzjoni jeħtieġ tkun mhux biss voċifera, imma lesta tieħu riskji politiċi billi tipproponi miżuri iebsa u kuraġġużi, li jindirizzaw il-qalba tal-problema - jiġifieri l-kostruzzjoni u l-effetti kollha li ġġib magħha, is-salvazzjoni tal-qalba tal-irħula tagħna u politika ċara f'dak li jirrigwarda l-estetika. 

Naturalment l-Oppożizzjoni għandha tibqa' żżomm b'saħħa l-irwol ta' (kważi) argużin fuq kwistjonijiet ta' governanza u fuq ċerti kuntratti li saru u li dwarhom il-ġudizzju għad irid jinqata': Primarjament il-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare, flus li għaddew f'17 Black mill-proġett tal-Power Station u l-proġett tal-Windfarms f'Montenegro. 

Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista għandhom opportunità tad-deheb - fil-fatt aktar mill-Partit Laburista - sabiex id-Deputati l-ġodda jkollhom fil-Parlament, l-aqwa vetrina possibbli biex jesprimu l-ħsibijiet tagħhom, iwasslu l-inkwiet tal-poplu u jipproponu. Huwa importanti li dawn ikunu mħarrġin fil-prassi Parlamentari, fl-oratrija tad-diskorsi u fil-preparazzjoni. 

Il-prestazzjoni Parlamentari tad-deputati l-ġodda tal-PN, speċjalment dawk li huma Shadow Ministers ta' portafolli importanti se tkun kruċjali, mhux biss għall-ħidma tal-Oppożizzjoni imma għall-mod kif il-PN se jipproġetta lilu nnifsu. Fuq quddiem hemm Jerome Caruana Cilia (Finanzi), Justin Schembri (Edukazzjoni), Ivan Castillo (Xogħol), Janice Chetcuti (Ambjent), Charles Azzopardi (Għoli tal-ħajja), Joe Giglio (Intern) u Mark Anthony Sammut (Enerġija).

X'se jagħmel dwar id-dejn

Mill-elezzjoni lil hawn Grech għamel aċċenn partikolari ħafna fuq id-dejn tal-partit, madwar €32 miljun bil-midja tal-partit ikollha dejn li jrid jitħallas ta' €7 miljuni u €21 miljun oħrajn f'dejn li mhux se jitħallas (bad debt) fi flus li sellifha l-partit stess. F'intervista mal-gazzetta The Sunday Times Grech saħansitra qal li l-partit lanqas biss għandu biżżejjed flus biex iħallas għal persuna li taħdem mal-Elcom. 

Din ta' Grech kienet l-ewwel darba li kap ta' partit tkellem daqstant fl-apert dwar is-sitwazzjoni tal-partit li jmexxi, li minnha nnifisha hija xi ħaġa pożittiva. Iżda naturalment ifisser ukoll li l-fatt li din il-problema serja issa tpoġġiet daqstant taħt il-lenti, ifisser li hemm stennija ħafna akbar dwar x'azzjoni u riformi issa Grech se jkun qed jagħmel biex jindirizza din il-problema. 

Naturalment hemm ħafna modi kif din tista' ssir, iżda kif qal uffiċjal tal-PN mal-ILLUM nhar il-Ħadd li għadda, kieku mhux għall-midja l-PN ma jagħmilx telf jew saħansitra jagħmel il-flus. Mela allura l-għerq tal-problema hija ċara: Il-midja. 

X'se jagħmel Grech? 

L-għeluq tal-midja kollha tal-PN titfa' lil dan il-partit fi żvantaġġ enormi, żvantaġġ li se jiggrava l-pożizzjoni diġà żvantaġġjata tal-PN meta jiġi biex jgħaddi l-messaġġ tiegħu. Dan ikun ifisser li stazzjonijiet Maltin ikun għad fadal il-ONE, l-istazzjon tal-Partit Laburista flimkien mal-istazzjon nazzjonali. 

Il-PN minflok għandu jftittex għażliet oħrajn, fosthom il-kummerċjalizzazzjoni tal-istazzjon tiegħu, li jkun ifisser li dan jitmexxa fuq bażi u bil-għan aħħari li jagħmel profitt u li jkun vijabbli. Dan filwaqt li l-PN jibqa' jfittex sehem f'dan l-istazzjon sabiex ikun xorta jista' jibqa' jwassal il-messaġġ tiegħu fuqu, jew permezz ta' xiri ta' airtime jew inkella billi jidħol fi sħab ma' intraprenditur b'saħħtu għat-tmexxija ta' dan l-istazzjon. 

Hemm ukoll ir-realtà tal-gazzetta u r-radju. Grech se jkollu jara dawn, speċjalment il-gazzetta, kemm qed jiswew lill-partit u jekk id-dħul hux biżżejjed biex għallinqas ikopri parti sew mill-ispiża. Vijabbli jew le? 

Bis-sitwazzjoni kif inhi d-deċiżjonijiet ta' Grech se jkollhom ikunu bbażati fuq esiġenzi monetarji u l-bżonn li dan l-istazzjon isalva, sabiex il-partit jibqa' jkollu ħin li fih ixandar il-messaġġ tiegħu.

Hemm ukoll il-każini u l-proposta biex dawn ikomplu jinbiegħu. Filwaqt li huwa veru li l-irwol tal-każini politiċi illum naqas waħda sew, il-PN ma għandux jissottovaluta b'mod assolut l-importanza ta' punt ta' referenza għall-partit, imqar fuq bażi reġjonali, permezz ta' każini jew ċentri. Il-partit ma għandux jistrieħ iżżejjed fuq il-virtwal li għal ħafna raġunijiet jista' jpinġi stampa li mhux neċessarjament tkun realistika, anzi tista' tkun realtà falza li tirrifletti l-bużżieqa soċjali u virtwali ta' persuna, mdawwra b'persuni oħrajn li jaħsbuha bħalha. 

U finalment hemm ukoll id-Dar Ċentrali, proprjetà enormi, prominenti, mimlija ftuħ, dawl, uffiċini u spazju. Sabiħ kieku dejjem mimlija u kieku qed tintuża kollha u qed tħalli xi qligħ lill-PN, imma mhux xi sigriet li dan mhux il-każ. Il-PN għandu jara kif se jikkumerċjalizza kemm jista' din il-binja, jew partijiet minnha, sabiex jagħmel flus minnha. 

Naturalment dan kollu għandu jsir b'ġudizzju politiku għaqli - kemm fil-każ tat-TV u anke fil-każ tad-Dar Ċentrali. F'liema sens? Fis-sens li l-għażla ta' min ikun sieħeb jew jikri proprjetajiet jew spazju fid-Dar Ċentrali, minkejja li tkun deċiżjoni kummerċjali, tagħti toqol ukoll lill-kunsiderazzjonijiet politiċi. Kuntratti ma' nies jew kumpaniji li jistgħu jikkompromettu lill-partit għandhom jkunu evitati.

Ħassieba, strateġisti, l-iskola tat-triq...

Bernard Grech, fir-realtà ma jidhirx li għandu politiċi u persuni ħassieba, intelletwali u strateġisti politiċi - li jafu r-realtajiet tat-triq biżżejjed, madwaru. 

Priorità ta' Grech hija li joħloq xibka ta' nies - mhux li joqgħodu jingħalqu fid-Dar Ċentrali jieħdu gost jisimgħu leħinhom u jdawwru l-anedotti ta' ħajjithom f'realtà ġenerali - imma li jkollhom l-irwol li jduru fil-komunità, jisimgħu lin-nies, jiltqagħu man-nies, jitilgħu fuq tal-linja, jmorru l-grocer, jinżlu fl-irħula... u jirrapportaw lura lill-partit dak li qed jgħidu n-nies. Aktar minn hekk, il-PN għandu bżonn tim ta' nies (Mhux politiċi) li jħabbtu l-bibien tan-nies minn issa sal-elezzjoni, jieħdu nota tat-tħassib, l-uġigħ, preokupazzjoni jew ilmenti ta' dik il-persuna jew familja u jirrapportaw lura lill-partit, biex dan jidentifika 'pockets' ta' nies u votanti li jeħtieġ jimmira l-ħidma tiegħu aktar lejhom. 

Is-sondaġġi importanti, imma qed juruk numru mhux emozzjoni. Qed juruk li 25% inkwetati fuq l-ambjent, imma mhux juruk li dawk l-istess 25% forsi huma kuntenti bil-politika ekonomika tal-Gvern jew li anke jekk inkwetati fuq l-ambjent, mhumiex jaraw alternattiva fil-PN fuq dan is-suġġett. 

Grech ħa ċerti żbalji fil-kampanja u qal ċerti affarijiet li deheru bħal żelqiet, li għalkemm ma ddeterminawx ir-riżultat lanqas wieħed jista' jgħid li għenuh wisq. Dan kien sinjal ċar ta' Kap li madwaru kellu nies li jew ma kinux interessati li jgħidulu dak li għandu bżonn jisma' jew inkella ma kellhomx il-kuraġġ. 

Il-PN jeħtieġ fl-istess ħin ikollu l-ħassieba u l-intelletwali u nies li studjaw is-soċjetà u l-bidla fi ħdanha, sabiex dawn flimkien mal-membri tal-partit jibnu mill-ġdid l-idea tal-Prinċipji Bażiċi tal-PN. X'jemmen il-PN? Kif qed jaġġorna (mhux jabbanduna) l-għeruq Demo-Kristjani tiegħu biex jirriflettu aħjar ir-realtajiet tal-lum? Kif se jkun risposta aħjar ta' Gvern aħjar quddiem soċjetà li qed issir dejjem aktar konumerista, individwalista, voċifera u bbumbardjata mill-Marketing - fejn dak li jgħodd huwa d-dehra u mhux is-sustanza? Kif jara li jista' jintlaħaq bilanċ bejn livell ta' għixien u l-kwalità tal-ħajja? X'ekonomija jrid? Fuq liema prinċipji għandha sserraħ l-viżjoni ekonomika? Waħda ta' kapiltaliżmu, ibbażata fuq il-komsum, infieq u investiment, bi Gvern li jintervjeni biss għal dawk fil-bżonn - kif adotta dan il-Gvern? Mudell aktar intervenzjonista fejn il-Gvern jidħol f'aktar setturi u jkollu poteri ġodda f'oqsma fejn hemm nuqqasijiet ovvji? F'din il-viżjoni ekonomika jara post xogħol prekarju, xogħol bla drittijiet jew inkella xi kuntratti zero hours? X'jifhem b'familja l-PN? X'jifhem b'soċjetà? Kif jara lis-soċjetà tagħna: Waħda li tibqa' kemm jista' jkun Maltija jew waħda li ssir aktar multi-kulturali milli diġà hi? X'jifhem b'edukazzjoni u l-irwol tagħha? X'irid joħloq li għadu ma nħoloqx f'sens ta' opportunitajiet? Il-Ħajja meta tibda, mal-konċepiment jew le? Mara għandha tkun inkubatur ta' tarbija għal ħaddieħor? U l-irwol tal-mara fis-soċjetà kif jista' jkun akbar? 

Illum l-ideoloġija u t-twemmin politiku ġie mormi, għax hekk il-moda, li kollox jintrema' fid-dinja konsumerista li qegħdin fiha. Imma partit mingħajr l-ideoloġija ċentrali tiegħu u prinċipji ċari huwa bħal qasba tixxejjer mal-ewwel riħ.

Il-PN forsi jħoss - u teknikament hekk hu - li l-poplu sfiduċja l-programm elettorali tal-elezzjoni li għadha kif għaddiet. Imma nuqqas ta' għaqal jekk il-PN jarmi l-proposti kollha jkunu li ħareġ bihom, ibbażat fuq dan l-argument li probabbli ser isir mill-avversarju (li żgur ħa nota ta' dawn il-wegħdi). Għandu minflok jirfinahom aktar, jara kif dawn jaqblu aktar mal-viżjoni tiegħu kif ukoll mal-prinċipji bażiċi tiegħu li jkun fassal. 

Viċi-Kap mara bi sfond differenti minn dak tal-Kap

Il-PN kien magħruf għal ħafna snin bħala l-partit "tal-avukati" u filwaqt li din u implikazzjoni tagħha ma fiha xejn ħażin, il-partit irid ikun u jrid jidher li jirrapreżenta l-aktar firxa wiesa' ta' nies possibbli. 

Għalhekk wasal iż-żmien li fit-tmexxija ma' Grech ikun hemm mara, li preferibbilment tkun ġejja minn sfond differenti minn ta' Grech - u allura mhux legali. 

Għaliex? 

Il-PN qatt ma kellu mara fil-karigi ta' Kap jew Viċi Kap, għalkemm riċentement kellu lil Rosette Thake bħala Segretarju Ġenerali. Huwa simboliku li l-PN ikollu mara li tkun tokkupa l-kariga ta' wara l-Kap. 

Pero' huwa importanti li l-Viċi Kap ikun xi ħadd ukoll maqtugħ mill-istess dinja li jiġi minnha Grech, sabiex b'hekk flimkien ikunu jirrapreżentaw l-aspirazzjonijiet differenti ta' sezzjonijiet differenti tal-poplu. Għalliem, social worker jew saħansitra mara tad-dar għandhom esperjenzi tal-ħajja differenti minn dawk ta' avukat jew nutar u probabbilment għandhom opinjoni differenti dwar il-politika u kif din issir. 

Minkejja li kull wiċċ frisk huwa pass 'il quddiem, l-għażla għall-Viċi Kap għandha tkun kemm jista' jkun ibbażata fuq il-bżonn li l-PN jkollu tmexxija rappreżentattiva tas-soċjetà kollha. 

More in Politika