L-ADPD se jkompli jisħaq li jkollu rappreżentanza parlamentari li tirrifletti l-voti li kiseb

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-ADPD - The Green Party kiseb b'kollox 4,747 vot fuq bażi nazzjonali

Carmel Cacopardo u t-tmexxija tal-ADPD
Carmel Cacopardo u t-tmexxija tal-ADPD

ADPD - The Green Party se jibqa’ jinsisti li kull vot jgħodd u għalhekk se jkompli jisħaq li għandu jkollu rappreżentenza xierqa fil-parlament li tirrifletti il-fiduċja li wrew fih dawk li vvutawlu fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali. "Barra minn hekk, hemm bżonn leġiżlazzjoni sura dwar il-finanzjament tal-partiti, pedament essenzjali għall-infrastruttura demokratika tal-pajjiż," qal iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo fil-laqgħa ġenerali statutorja wara l-Elezzjoni Ġenerali fejn ġie ukoll ikkonfermat il-kumitat eżekkutiv tal-partit.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-ADPD - The Green Party kiseb b'kollox 4,747 vot fuq bażi nazzjonali. Dan filwaqt li Arnold Cassola li għal xi snin kien imexxi l-AD kiseb 1,364 vot. 

Il-laqgħa ġiet indirizzata ukoll minn Sandra Gauci, Deputat Chairperson li saħqet li ADPD għandu jibqa’ l-vuċi ta’ dawk li l-partiti tradizzjonali jevitaw u jinjoraw: dawk li sejħet "politikament orfni."

Hija qalet li l-votanti tal-ADPD huma fil-parti l-kbira tagħhom konxji li l-politika imressqa minnu hija waħda sostanzjalment differenti minn dik li hija imressqa minn dawk il-partiti l-kbar. “Il-vot tagħhom lejn l-ADPD hu primarjament vot ta’ fiduċja fil-viżjoni politika tagħna li tħares lejn il-ġenerazzjonijiet futuri biex tfittex li tassigura li dak li jitwettaq illum jippermettilhom jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għada,” qalet Gauci.

Hija sostniet li l-ħidma ta’ ADPD ser tibqa’ iffukata fuq l-importanza tal-ħarsien ambjentali imżewġa ma’ impenn dejjiemi favur ġustizzja soċjali u d-dritt għal għixien ġust għal kulħadd. 

Carmel Cacopardo, emfasizza li kull vot għandu jgħodd - għalhekk kien li l-ADPD fetaħ kawża kostituzzjonali biex l-inġustizzji imwettqa mis-sistema elettorali kontra l-partit jiġu indirizzati minnufih. "Dan speċjalment meta f’din l-aħħar elezzjoni l-inġustizzji komplew żdiedu bl-introduzzjoni ta’ tnax-il siġġu parlamentari intenzjonati għall-bilanċ tal-ġeneru li komplew iddiskriminaw ma’ kandidati nisa tal-ADPD.
Filfatt, żewġ kandidati tal-ADPD - Sandra Gauci u Melissa Bagley - kisbu voti iktar minn kandidata tal-PL li spiċċat fil-parlament bis-saħħa ta’ dan il-mekkaniżmu. Imma il-kandidati tal-ADPD baqgħu barra għaliex ma kkontestawx f’isem wieħed mill-partiti tradizzjonali li kienu kkonfoffaw minn qabel li dan il-mekkaniżmu japplika biss għalihom it-tnejn."

Cacopardo kompla jgħid li hemm bżonn riforma mill-qiegħ tas-sistema elettorali li tindirizza iż-żewġ problemi ewlenin tagħha: dik li jkun hemm proporzjonalita’ vera għal kulħadd u li toffri rimedju għall-bilanċ tal-ġeneru. "Kif konna ressaqna fil-proposti tagħna għal tibdil fis-sistema elettorali dan jista’ jsir mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiżdiedu s-siġġijiet parlamentari kif ġara issa fejn għandna l-ikbar parlament per capita fl-Unjoni Ewropea."

Cacopardo semma l-finanzjamenty tal-partiti u qal illi minkejja li kienet inħolqot leġiżlazzjoni dwar dan, il-fatt li hija regolata mill-Kummissjoni Elettorali magħmula fil-parti l-kbira tagħha minn rappreżentanti tal-PL u l-PN iqajjem ħafna mistoqsijiet dwar kemm qegħda tiġi infurzata kif imiss. "Il-miljuni ta’ euros djun tal-PLPN huma ta’ theddida għad-demokrazija għax jorbtu lill-PLPN mal-karru tal-flus li jpoġġihom kontinwament f’pożizzjoni kompromettenti," temm jgħid Cacopardo. 

More in Politika