'Jiena qiegħed hawn u beħsiebni nibqa' hawn' jgħid Buttigieg jiem qabel jitressaq quddiem il-Bord ta' Etika

Albert Buttigieg se jkun qed jitressaq quddiem il-Bord tal-Etika tal-PN nhar it-Tnejn

Albert Buttigieg
Albert Buttigieg

F'kumment li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook is-Sindku Ġiljaniż - vuċi voċifera kontra l-iżvilupp qawwi li għaddej fil-lokalità- huwa qal li hu qiegħed fil-PN u beħsiebu jibqa' u sostna li hu mhuwiex baħri tal-bnazzi. Buttigieg - li deher b'ritratt bl-arma tal-PN warajh - nhar it-Tnejn se jitressaq quddiem il-Bord tal-etika wara li allega f'artiklu illi uffiċjal tal-PN kien iltaqa' ma' kuntrattur b'interessi kbar fil-lokalità u dan assigurah li lil Buttigieg il-PN se jagħtih il-ġenb jew inkella jagħlaqlu ħalqu. 

Il-Partit Nazzjonalista talab lil Buttigieg jissostanzja l-allegazzjoni u jikxef l-ismijiet xi ħaġa li Buttigieg irrifjuta li jagħmel bil-konsegwenza li nhar it-Tnejn li ġej huwa se jitressaq quddiem il-Bord tal-Etika tal-PN li se jiddeċiedi dwar il-futur ta' Buttigieg fil-PN. Dan huwa t-tieni Sindku Nazzjonalista li ġie fl-inkwiet mal-partit tiegħu stess, wara argument li kellha is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami fuq il-permess ta' żvilupp fuq l-art fejn hemm il-bini tat-Trade Fair. Minkejja li intalbet tirriżenja mill-PN hija żammet postha.

Buttigieg kien attiv ħafna maż-żmien kontra l-proġett tad-DB, b'mod speċjali, u kontra diversi proġetti oħrajn ta' żvilupp fil-lokalità. F'intervista mal-gazzetta ILLUM huwa kien qal illi Malta hija pajjiż fewdali mmexxi mill-ftit li għandhom il-flus. 

L-allegazzjoni ta' Buttigieg ġiet ftit jiem biss wara li l-eks Deputat Jason Azzopardi kien allega wkoll li Bernard Grech kien irċieva flus mingħand xi ħadd - li bosta qed jaslu għall-konklużjoni li huwa xi ħadd mill-kumpanija li fiha kien direttur Yorgen Fenech - sabiex l-istess Fenech jingħata l-maħfra Presidenzjali. Grech kien ċaħad din l-allegazzjoni.

More in Politika