L-ewwel każ ta' persuna bil-Monkeypox f'Malta... għandu sintomi ħfief u bla bżonn ta' kura fl-isptar

Il-Monkeypox hija infezzjoni rari kkawżata minn virus li ma jinxteridx faċilment minn persuna għal oħra. Fil-maġġoranza tal-każijiet hija marda ħafifa li ma jkunx hemm bżonn kura għaliha u l-pazjent jirkupra minnha fi ftit ġimgħat

L-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika ġew notifikati li persuna residenti f’Malta nstab pożittiv għall-Monkeypox. Ir-raġel ta’ 38 sena kien imsiefer riċentament f’pajjiż fejn ġew ikkonfermati xi każijiet ta’ Monkeypox. Ir-raġel għandu sintomi ħfief u ma għandux ħtieġa li jkun ikkurat l-isptar. Fil-fatt intalab jagħmel iżolament id-dar.

Il-Monkeypox hija infezzjoni rari kkawżata minn virus li ma jinxteridx faċilment minn persuna għal oħra. Fil-maġġoranza tal-każijiet hija marda ħafifa li ma jkunx hemm bżonn kura għaliha u l-pazjent jirkupra minnha fi ftit ġimgħat. 

L-ewwel sintomi tal-Monkeypox jinkludu deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, uġigħ fid-dahar, glandoli ffjammati, tkexkix ta’ bard u għejja. Jista’ jiżviluppa wkoll raxx, li ħafna drabi jibda’ fil-wiċċ, imbagħad jinfirex ma’ partijiet oħra tal-ġisem. Ir-raxx jinbidel u jgħaddi minn ħafna stadji sakemm fl-aħħar jifforma qoxra, li taqa’ wara ftit żmien.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa jfakkru li huwa dejjem importanti li żżomm idejk indaf u li taħsel idejk ta’ spiss bl-ilma u s-sapun jew b’sanitiser li fih l-alkoħol, speċjalment wara li tiġi f’kuntatt ma’ xi ħadd li jkun ma jiflaħx.

More in Politika