'Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 hija taħt kontroll u ma hawn l-ebda każ ta' monkeypox f'Malta'

Il-Ministru Fearne jisħaq li dwar il-Monkeypox ma hemmx lok għall-allarm u li din mhijiex Covid ieħor

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne

Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 hija taħt kontroll u ma hawn l-ebda każ ta’ monkeypox f’Malta. Dan ikkonfermah id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru saħaq li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 hija taħt kontroll u dan minkejja li prattikament tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha.

Huwa spjega kif fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, hemm biss pazjent wieħed bil-Covid-19 u dan wara perjodu fejn saħansitra ma kien hemm ħadd.

Fi kliemu, anke l-immunità għadha b’saħħitha.

Rigward il-monkeypox, il-Ministru akkuża lil ċertu persuni fuq il-midja soċjali li “allarmaw” lin-nies u insista li f’Malta ma hawn l-ebda każ.

Insista li l-monkeypox mhijiex Covid-19 anke jekk l-awtoritajiet tas-saħħa huma mħejjija għaliha. Fi kliemu, l-aktar kundizzjoni simili għall-monkeypox hija ċ-chicken pox.

Qal ukoll li anke jekk ikun hawn każi f’Malta, is-sitwazzjoni se tkun l-istess bħal dik taċ-chickenpoc. Fi kliemu, dawk li għandhom aktar minn 50 sena huma protetti għax dawk kollha li twieldu qabel l-1972 ħadu l-vaċċin għal dik li kienet l-ismallpox. 

Fi kliemu, din it-tilqima tipprovdi immunità kontra l-monkeypox ukoll. 

More in Politika